Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni tingħata raġun

Gvern li qed iwaqqa’ d-dinjità tal-anzjani u d-dinjità tal-pazjenti

Is-sitwazzjoni ta’ pazjenti anzjani fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Karen Grech jistennew biex jidħlu f’S Vincenz De Paul jew fi djar tal-anzjani, b’Ottubru li għadda t-total kien ta’ 215 u f’Novembru 213, tikkonferma dak li ilha tappella lill-Gvern l-Oppożizzjoni biex il-Gvern jipprovdi u jippjana għal 200 sodda fis-sena biex jindirizza l-problema tal-iffullar ta’ pazjenti fl-Isptarijiet kif qed nesperjenza f’dawn ix-xhur. Pjan li jaħseb ukoll biex anzjani ma jitħallewx fl-isptarijiet fit-tul jistennew biss li jiġu trasferiti lejn residenzi tal-anzjani.

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija Konrad Mizzi, qal fi tweġiba bil-miktub li ta fil-Parlament għal mistoqsija tax-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech, li fl-aħħar ta’ Ottubru kien hemm 106 pazjent long term jistenna biex jiġi trasferit fl-Isptar Mater Dei, u 109 fl-Isptar Karin Grech, total ta’ 215.

Fix-xahar ta’ Novembru kien hemm 102 pazjent fl-Isptar Mater Dei u 111 fl-Isptar Karin Grech – total ta’ 213-il pazjent.

Dwar din l-informazzjoni li ngħatat fi tweġiba parlamentari, ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg ikkummentat fl-aġġornament u qalet li r-risposta li ta l-Gvern tagħti raġun lill-Oppożizzjoni li nsistiet li l-Gvern għandu jipprovdi mal-200 sodda fl-istituzzjonijiet tal-anzjani fis-sena biex jindirizza l-problema ta’ iffullar fl-isptarijiet.

Claudette Buttigieg qalet li bis-sitwazzjoni kaotika f’Mater Dei fejn qed jitpoġġew pazjenti f’kurduri u f’żoni li qatt qabel ma ntużaw biex tingħata l-kura lill-pazjenti fihom, bħalma hu l-każ fiz-zona għall-kura tat-tfal tal-pediatric day care, dan hu gvern li qed iwaqqa’ d-dinjità tal-anzjani u d-dinjità tal-pazjenti.