Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li trid tkun involuta aktar mill-qrib meta l-pajjiżi membri jinnegozjaw il-kuntratti tal-enerġija ma’ terzi, pereżempju r-Russja.
L-Eżekuttiv tal-Unjoni Ewropea spjega li jrid ikun infurmat dwar it-trattattivi mill-fażi inizjali. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed taħseb biex tipparteċipa fin-negozjati u li tkun tista’ tintroduċi klawsoli bażiċi fil-kuntratti ‘ħalli taċċerta li l-UE titkellem b’vuċi waħda fin-negozjati għall-kuntratti tal-enerġija, speċjalment dawk li jinvolvu l-gass’.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Unjoni tal-Enerġija, Marcos Sefcovic, informa lill-istampa, fi Brussell, li l-Gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-UE ‘iridu jaqsmu l-prezz, il-volum u l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-bejgħ tal-gass’.
Intant, filwaqt li l-pajjiżi tal-UE huma ħielsa biex jagħżlu s-sorsi tal-enerġija tagħhom, jeżistu r-regoli tal-Unjoni fejn tidħol il-kompetizzjoni u li jeħtieġ li jkunu segwiti.
L-UNJONI EWROPEA: Trid rwol akbar fil-ftehim dwar il-gass
