Pazjenti li jmutu f’xi wieħed mill-kurituri tal-Isptar Mater Dei, fejn ikunu qed jinżammu, qed jittieħdu mill-ewwel fil-Kamra Mortwarja u mbagħad jitkeffnu hemm minn infermiera li jintbagħtu biex jagħmlu dan ix-xogħol. Dan żvelah il-ġurnal In-Nazzjon, fil-ħarġa tal-lum, li tkellem ukoll ma’ infermier li spjega kif is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei hi waħda mwegħra ħafna.
L-infermier esprima d-diżappunt tiegħu li pazjenti li mietu fil-kurituri tkeffnu fil-Kamra Mortwarja. Ma’ In-Nazzjon, qal li dan mhuwiex il-mod kif għandhom isiru l-affarijiet b’mod dinjituż u kif jixraq lil kull mejjet. Spjega li ssoltu, il-mejjet jitkeffen fuq is-sodda fejn ikun fis-Sala wara li tingħalaq il-purtiera li ddawwar is-sodda. B’hekk, il-mejjet jitkeffen b’dinjità anke minħabba li jkun diġà ġie kkonfortat bis-Sagramenti Mqaddsa. Minn hemm, imbagħad, jittieħed lest fil-Kamra Mortwarja.
L-infermier qal li jidher li l-mejjet qed jittieħed mill-kurituri direttament għall-Kamra Mortwarja “biex ma jingħata xejn fl-għajn”. Sostna li dan mhuwiex xieraq għall-pazjent, bl-infermiera qed jagħmlu dak kollu possibbli skont il-bżonn tal-professjoni tagħhom.
Aqra aktar fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal In-Nazzjon.
//= $special ?>