Vapur ieħor itellagħha l-aħħar, kontra l-prassi
Ambulanza b’pazjent żagħżugħ f’qagħda kritika, u li kienet fi triqitha biex taqsam bejn Għawdex u Malta, tħalliet il-moll wara li t-Terminal Manager li kien xogħol fit-Terminal tal-Imġarr iddeċieda li din ma kellhiex titqabbeż il-kju tal-karozzi. Il-ġurnal In-Nazzjon illum qed jiżvela dan il-każ serju, li seħħ il-Ħadd, 15 ta’ Frar, meta ż-żagħżugħ weġġa’ serjament waqt l-attivitajiet tal-Karnival li kienu qed isiru f’Għawdex.
Iż-żagħżugħ weġġa’ wara li waqa’ minn fuq karru tal-Karnival u kawża ta’ hekk ċarrat idu x-xellugija. Meta ttieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, instab li ż-żagħżugħ kien qata’ waħda mill-vini prinċipali ta’ idu x-xellugija. Wara li ngħata l-kura fl-Isptar ta’ Għawdex għal aktar minn 12-il siegħa, kien deċiż li l-pazjent jintbagħat minnufih fl-Istpar Mater Dei għal aktar kura speċjalizzata.
In-Nazzjon irrapporta li l-każ tant kien meqjus bħala wieħed serju li l-Ambulanza kienet saħansitra assistita mill-Pulizija mis-Sezzjoni tat-Traffiku biex jinqabeż is-serbut twil ta’ karozzi li kienu qed jistennew li jirritornaw Malta mill-vaganzi tal-Karnival. Madankollu, meta l-Ambulanza waslet biex tittella’ abbord il-vapur, jidher li t-Terminal Manager iddeċieda li ma jgħabbix lill-Ambulanza. Mhux magħrufa r-raġuni għal din id-deċiżjoni.
Meta wasal il-vapur li kien imiss, ġie deċiż li l-Ambulanza tittella’ l-aħħar, wara li ttellgħu l-karozzi kollha. Dan minkejja li l-prassi hi li l-ewwel tittella’ l-Ambulanza ħalli mal-wasla tkun tista’ tinżel u tkompli fi triqtha immedjatament. Iżda anke f’dan il-każ, mhux magħruf kif ġie deċiż li l-Ambulanza tittella’ l-aħħar.
Sadanittant, qraba tal-pazjent li tkellmu ma’ In-Nazzjon esprimew id-diżappunt tagħhom għal dan kollu u qalu li huma qatt ma stennew imġieba bħal din mill-kumpanija Gozo Channel. Sostnew li kumpanija bħal din, li tipprovdi l-uniku servizz ta’ trasport bejn iż-żewġ gżejjer, għandha tifhem li ċerti każi għandhom jingħataw prijorità speċjalment jekk il-pazjent ikun tassew f’qagħda kritika.
(Ritratt: mill-Arkivji)
//= $special ?>