Internazzjonali

16-il sena ħabs għal Gary Glitter

Il-kantant Gary Glitter, eks-stilla tal-mużika ‘Glam-Rock’ tas-snin sebgħin, intbagħat il-ħabs għal 16 il-sena talli abbuża sesswalment lil tliet ibniet, bejn l-1975 u l-1980.
Glitter – li l-isem proprju tiegħu hu Paul Gadd – instab ħati dwar attentati ta’ stupru u aggrediment ta’ persuni bi skop indiċenti. Fl-istess ħin hu kien ikkundannat talli kellu relazzjonijiet sesswali ma’ tifla li kellha anqas minn 13 il-sena.
Meta qralu s-sentenza, l-Imħallef fil-Qorti ta’ Southwark qal li ma jista’ jara ‘l-ebda provi kredibbli’ li l-kantant qed jiddispjaċih tassew inkella li jrid ipatti għall-ħażin li wettaq. L-Imħallef kompla li l-vittmi tal-kantant kollha spiċċaw ‘affettwati bil-kbir’ b’konsegwenza tal-abbuż li sofrew taħt idejn il-kantant.
Intant, Gary Glitter, li għandu 70 sena, ma wera l-ebda emozzjoni mal-qari tas-sentenza li kienet ikkonfermata tliet ġimgħat wara l-proċess tal-qorti li, proprju dan ix-xahar, sabitu ħati mill-akkużi miġjuba kontra tiegħu.