Lokali

Abbużi serji fil-Korporazzjoni tal-Port Ħieles

Fl-aħħar ġimgħat kompliet tikkarga d-doża ta’ “ħniżrijiet kbar” fil-Korporazzjoni tal-Port Ħieles. Dan ħareġ minn rapporti li numru ta’ ħaddiema għamlu lill-ġurnal In-Nazzjon. Fil-ħarġa tal-lum, In-Nazzjon ikkwota diversi każi ta’ ħaddiema li qed jiġu umiljati fil-post tax-xogħol tagħhom sal-punt li dawn mhux biss twarrbu mill-qadi tad-doveri tagħhom, iżda saħansitra qed jiġu mdejqa biex ikunu kostretti jħallu l-post tax-xogħol.

Matul il-jiem li għaddew, In-Nazzjon investiga numru ta’ rapporti li waslulu dwar diskriminazzjoni sfaċċata bejn il-ħaddiema tal-Awtorità tal-Port Ħieles, fejn Aaron Farrugia jokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv nominat mill-Gvern Laburista. Il-Korporazzjoni tal-Port Ħieles hi r-Regolatur tal-Malta Freeport, li jitmexxa minn kumpanija privata, u minbarra lil Farrugia bħala CEO għandha wkoll Chairman ukoll appuntat mill-Gvern.

Skont In-Nazzjon, hu mifhum li ħafna mid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu fil-Port Ħieles huma orkestrati direttament minn Aaron Farrugia nnifsu, bl-appoġġ ta’ membri fil-Bord tad-Diretturi tal-Korporazzjoni. Madankollu, In-Nazzjon ikkwota sorsi, li qalu li mhux dawk kollha membri fil-Bord tad-Diretturi jaraw għajn m’għajn ma’ Farrugia, anke jekk iħaddnu l-istess twemmin politiku.

Filwaqt li uħud mill-impjegati ddejqu jitkellmu ma’ In-Nazzjon minħabba li “hemm ħafna ħdura”, il-ġurnal tkellem ma’ oħrajn, li ddeskrivew is-sitwazzjoni fil-Port Ħieles bħala waħda li fil-konfront tagħhom u ta’ kollegi oħrajn li ma jilagħqux qed tkompli ssir aktar diffiċli u kattiva. Qalu li x-xenarju fil-Port Ħieles illum hu wieħed tqil ħafna u l-abbużi huma frekwenti.

Fost l-oħrajn, In-Nazzjon żvela kif reċentement iddaħħlu fil-Port Ħieles 11-il Uffiċjal ġdid tas-Sigurtà. Jirriżulta li bosta minnhom huma mill-Ħamrun u qed jingħad li diġà bdew jaħdmu bħala kanvassers ta’ Aaron Farrugia, li hu kandidat prospettiv tal-Partit Laburista fuq l-istess Distrett minfejn kienu impjegati dawn l-irġiel.