Lokali

Il-familji Maltin qed iħallsu fost l-ogħla prezzijiet tal-petrol u d-diesel fl-Ewropa

Il-familji u n-negozji Maltin u Ghawdxin għadhom qed iħallsu fost l-ogħla prezzijiet tal-petrol u d-diesel fl-Ewropa.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li l-aħħar statistika tal-Unjoni Ewropa tikkonferma dan u tindika li l-poplu Malti qed iħallas is-sitt l-ogħla u t-tmien l-ogħla prezzijiet petrol u d-diesel fost it-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea rispettivament.

Marthese Portelli, ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport, saħqet li huwa skandaluż li l-Partit Laburista, flok ma jassigura li l-prezz f’Malta qiegħed jinżel, qed joħroġ jifraħ meta l-medja tal-Unjoni Ewropea titla’ bi ftit ċenteżmi.

L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista tfakkar li l-uniku traħħis li tħabbar sa issa sar bis-saħħa tal-pressjoni li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Miegħu ingħaqdu wkoll l-imsieħba soċjali li, b’mod kostanti, sejħu għal traħħis fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.

Ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport, Marthese Portelli, temmet tgħid li l-Partit Nazzjonalista qed jistenna li t-traħħis fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel ikun wieħed sostanzjali – wara xhur sħaħ ta’ serq mill-bwiet tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.