Lokali

Il-UĦM titlob laqgħa tal-MCESD wara l-policy l-ġdida li ma jistgħux jiddaħħlu mobiles f’laqgħat ma’ Ministri

Wara li s-Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) Josef Vella kien informat li l-Gvern għandu policy li l-Uffiċjali tal-Imsieħba Soċjali ma jistgħux idaħħlu mobiles magħhom f’laqgħat uffiċjali ma’ Ministri, il-Union qed titlob liċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) biex jiddiskuti din il-policy.

Il-UĦM qed tagħmel din it-talba f’ittra ffirmata mill-President tal-Union Jesmond Bonello liċ-Chairman tal-MCESD, li fiha l-UĦM qalet li s-sitwazzjoni hi waħda inaċċettabbli f’pajjiż mibni fuq id-demokrazija. Dan wara li fil-jiem li għaddew, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Josef Vella ma tħalliex idaħħal il-mobile miegħu għal laqgħa li kellu mal-Ministru Carmelo Abela. Josef Vella rrifjuta li jagħmel dan u l-laqgħa ma saritx.

L-ittra tkompli li aktar minhekk, dan il-każ juri nuqqas ta’ fiduċja lejn l-Imsieħba Soċjali. Dan jammonta għal sitwazzjoni inkwetanti li tista’ tiġi estiża, jekk mhux diġà hi, f’laqgħat ma’ Dipartimenti jew Uffiċċji governattivi oħrajn.

Jesmond Bonello sostna li l-Imsieħba Soċjali jagħtu kontribut kontinwu siewi lill-pajjiż biex dejjem ikun hemm titjib fl-aspetti ekonomiċi u soċjali tiegħu. Dan il-kontribut hu mibni fuq ir-rispett u l-fiduċja reċiproka. Għaldaqstant, każ bħal dan, ta’ nuqqas ta’ fiduċja, jista’ jostakola d-djalogu soċjali li jeżisti s’issa.