Internazzjonali

Imutu tmienja f’sensiela ta’ sparaturi fl-Istati Uniti

Talanqas tmien persuni tilfu ħajjithom f’sensiela ta’ sparaturi li seħħew fl-inħawi ċentrali ta’ Missouri kif ukoll lejn iz-zoni tan-Nofsinar tal-Istat Amerikan.

Intant, il-pulizija skoprew il-vittmi f’numru ta’ lokalitajiet qrib Tyrone, bil-katavri jinstabu ġo ħames residenzi differenti f’din il-belt jew fil-madwar. Ir-rapporti anki rreferew għal persuna li spiċċat midruba mill-aggressur responsabbli.

L-awtoritajiet jemmnu wkoll li sabu l-katavru tal-aggressur  ġo karozza parkjata qrib ix-xena ta’ waħda mid-delitti, f’Shannon County. Għalissa mhux magħruf l-iskop wara dan il-qtil, bil-pulizija qed tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha.

Qabel l-aħħar bullettini tal-pulizija kien hemm ansjeta u paniku sostanzjali fl-inħawi u l-viċinanzi ta’ Tyrone, bir-residenti jgħidu li l-pulizija kienu marru jħabbtu fuq il-bibien tan-nies biex javżawhom ħalli jieħdu l-prekawzjonijiet kollha.

Ir-raġel li nstab mejjet fil-karozza tiegħu u li ġie indikat bħala l-qattiel hu wkoll residenti ta’ Tyrone u jingħad li kellu 36 sena. Jidher li hu kien spara għalih innifsu biex jikkonkludi d-dagħdigħa ta’ vjolenza li damet għaddejja għal sigħat.