Il-Papa Franġisku għażel lil Mons Charles Scicluna bħala l-Arċisqof ta’ Malta. Dan tħabbar b’mod uffiċjali waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kurja min-Nunzju Appostoliku Mons Aldo Cavalli. Fl-ewwel kummenti tiegħu bħala l-Arċisqof-elett, Mons Charles Scicluna qal li biex jagħmel dmiru sew irid ikun dak li dejjem kien u li fuq kollox se jaħdem biex isaħħaħ il-Knisja u l-valuri Nsara f’Malta.
Mons Scicluna tkellem ukoll dwar l-isfida finanzjarja tal-Knisja, li kull sena qed tispiċċa bi żbilanċ ta’ €500,000. Spjega kif hu jrid jimxi fuq il-passi ta’ Ġesù billi jagħti ħajtu għall-merħla għax li tirgħa hu li tħobb, tgħallem u tmexxi. Dan filwaqt li tenna li l-Arċisqof ma jistax jimxi waħdu fil-missjoni tiegħu. Tkellem ukoll dwar l-isfidi li għandha quddiemha l-Knisja f’Malta u sostna li l-akbar sfida hi li l-messaġġ tal-Evanġelju jasal fil-qlub tan-nies.
Bħala Arċisqof ġdid, Mons Scicluna ma eskludiex li jkollu Isqof Awżiljarju li jgħinu fit-tmexxija, għalkemm qal li l-ħsieb hu li jkollu żgur Vigarju Ġenerali. Hu rringrazzja lill-Papa Franġisku, lill-Knisja f’Malta u lill-ġenituri tiegħu għall-formazzjoni. L-Arċisqof-elett qal li l-ħatra tiegħu għandha sservi bħala tama u kuraġġ biex ma neqirdux lilna nfusna bil-mibgħeda u l-biża’.
Għall-Arċisqof il-ġdid, se jkun hemm żewġ ċerimonji importanti: l-Ingress Solenni fil-21 ta’ Marzu fil-Katidral ta’ San Pawl fl-Imdina u l-Investitura wara l-Festa ta’ San Pietru u San Pawl fid-29 ta’ Ġunju.
(Filmat: L-ewwel messaġġ tal-Arċisqof-elett, produzzjoni tal-Arċidjoċesi)
//= $special ?>