Nhar it-Tnejn, l-Istat Amerikan ta’ Georgia għandu jwettaq l-ewwel esekuzzjoni legali ta’ mara wara sebgħin sena, b’Kelly Gissendaner, omm ta’ tlett itfal, se tħallas b’ħajjitha talli ppjanat l-omiċidju ta’ żewġha.
Il-mara kienet ‘ikkonvinċiet’ lil seħibha, Gregory Owen, biex joqtol lir-raġel tagħha, Douglas Gissendaner, fi Frar tal-1997. Fil-fatt, Owen kien ħataf lil Gissendaner u spiċċa jagħtih diversi daqqiet ta’ sikkina qabel ħaraq il-katavru.
L-istess Gregory Owen, illum, qed jiskonta l-priġunerija għal għomru iżda mhux eskluż li joħroġ illiberat sa għaxar snin oħra.
Id-delitt kien imfisser bħala wieħed ‘ta’ passjoni’, b’Kelly Gissendaner tikkonvinċi lil Owen li hu ‘kellu juru mħabbtu b’li jelimina lil żewġha’ li hi stess kienet qed tqis bħala ostakolu.
Fil-verita, dan kien delitt brutali għall-aħħar u ħafna Amerikani jaħsbu li l-piena kapitali kienet id-deċiżjoni ‘xierqa’ għal Kelly Gissendaner li ilha fuq ‘Death Row’ għal 17 il-sena.
Is-sentenza tal-mewt fl-Istat ta’ Georgia hi amministrata bl-injezzjoni letali u mhux bis-siġġu elettriku bħalma kien iseħħ fil-passat. Madankollu, m’hemm l-ebda garanzija li dan il-proċess se jimxi ‘fuq ir-rubini’ meta, fis-snin ta’ qabel, il-priġunieri ġustizzjati (bl-injezzjoni) spiċċaw ibatu għat-tul taż-żmien qabel mietu f’agunija.
Intant, l-esekuzzjoni ta’ nhar it-Tnejn qed tiffaxxina ħafna nies, għaliex il-proċess, din id-darba, se jinvolvi mara. Dan ukoll meta l-ġurati fil-qrati Amerikani, fil-parti kbira, huma kontra li n-nisa jispiċċaw fuq Death Row.
Waħda minn kull għaxar suspettati li jispiċċaw arrestati dwar omiċidju fl-Istati Uniti huma nisa. Madankollu – bħala medja – waħda biss minn kull ħamsin mara ( f’dan il-każ) tispiċċa biex teħel il-piena kapitali. Hu minnu wkoll li kull 100 priġunier li, eventwalment, jingħataw il-piena kapitali fl-Istati Uniti jinkludu mara waħda biss.
Intant, Gissendaner għandha tkun l-ewwel mara li tħallas b’ħajjitha għal omiċidju fl-Istat ta’ Georgia wara Lena Baker, li, fl-1945, mietet fis-siġġu elettriku wara li kienet ikkundannata dwar il-qtil ta’ raġel li kien impjegaha miegħu. Anki l-każ ta’ Baker kien kontroversjali ferm għal dawk iż-żmenijiet u kien is-suġġett ta’ film bl-isem ‘The Lena Baker Story’, li ħareġ fl-2008.
//= $special ?>