Ma hemm l-ebda indikazzjoni li pajjiżna jinsab fil-periklu u l-informazzjoni li tinsab għand l-awtoritajiet Maltin ma tindikax li f’pajjiżna hawn xi theddida ta’ xi attakk mill-ISIS.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal dan meta kien mistieden waqt il-programm Xarabank fejn kien mistoqsi dwar kif it-theddia tal-ISIS qed tolqot lil pajjiżna.
Filwaqt li qal li jifhem l-inkwiet tal-poplu Malti u Għawdxi, huwa qal li huwa importanti li l-Maltin jibqgħu jgħixu l-ħajja normali ta’ kuljum u qal li hu se jkun l-ewwel persuna li jinforma lil poplu jekk ikun hemm xi theddida għal pajjiżna.
Mistoqsi dwar il-biżgħa li pajjiżna jista’ jintlaqat minn xi missila, il-Prim Ministru qal li huwa talab studju wara li saru attakki bil-missili fuq ajruport fil-Libja. L-istudju wera li l-missili li kienu sparati kienu jlaħħqu distanza ta’ 40 km. Il-Prim Ministru qal li dan ifisser li dawn il-missili ma jistgħux ikunu ta’ periklu għal pajjiżna minħabba li d-distanza bejn Malta u l-Libja hija ta’ madwar 400km.
Mistoqsi dwar il-prekawzjonijiet li qed jieħu pajjiżna, il-Prim Ministru qal li l-ftehim li kien hemm mal-Libja dwar passaporti diplomatiċi twaqqaf wara li l-ISIS ħatfu uffiċċju tal-gvern fejn kienu qed jiġu stampati l-passaporti u nsterqu numru ta’ passaporti.
Il-Prim Ministru qal ukoll li l-pulizija investigat rapporti li rappreżentanti tal-ISIS ntlemħu f’San Ġiljan iktar kmieni din is-sena u qal li ma kienx hemm episodji simili oħrajn.
Dwar it-theddida li xi rappreżentanti tal-ISIS jidħlu flimkien mal-immigranti, il-Prim Ministru fakkar li l-attakki li saru fi Franza u d-Danimarka ma sarx minn immigranti għalkemm ma eskludix il-periklu li jista’ jkun hemm elementi perikolużi.
Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż ġar ta’ Malta, il-Libja, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li r-rwol ta’ pajjiżna huwa li jipprova jgħaqqad l-elementi wara li l-pajjiż inqasam wara l-waqgħa ta’ Gaddafi.
Mistoqsi dwar għalfejn pajjiżna ma kienx wieħed mill-firmatorji tal-Koalizzjoni Kontra l-ISIS, Joseph Muscat qal li huwa talab li isem pajjiżna jitneħħa minħabba li dan ma kienx diskuss f’pajjiżna.
Fid-dawl li pajjiżna iktar tard din is-sena se jkun qed jorganizza l-konferenza taċ-CHOGM, u li dan jista’ jqarreb il-periklu lejn pajjiżna, il-Prim Ministru qal li din se tkun opportunità biex tissaħħaħ is-sigurtà ta’ pajjiżna.
//= $special ?>