L-Arċisqof-elett Mons Charles J Scicluna, li f’Novembru li għadda nħatar bħala l-Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi Maltija, hu magħruf bħala akkademiku kbir li jgawdi wkoll il-fiduċja tal-ogħla awtoritajiet fis-Santa Sede. Hu għandu 55 sena u hu iben Emanuel u Maria Carmela.
Mons Scicluna twieled f’Toronto fil-Kanada, iżda fl-1960 il-familja tiegħu ġiet lura Malta u marret toqgħod Ħal Qormi. Aktar tard, il-familja marret toqgħod Ħal Lija. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi, fl-Iskola Teknika San Ġużepp f’Raħal Gdid u fil-Kulleġġ Saint Edward’s fil-Kottonera. Iggradwa b’Dottorat fil-Liġi mill-Università ta’ Malta fl-1984 u kien ordnat Saċerdot fl-1986. Mons Scicluna kompla l-istudji tiegħu f’Ruma, fejn iggradwa fil-Liġi Kanonika mill-Università Gregorjana.
Wara l-istudji f’Ruma, Mons Scicluna ħadem fuq it-Tribunal Metropolitan ta’ Malta bħala Difensur taż-Żwieġ u kien ukoll Lecturer fit-Teoloġija Pastorali u fid-Dritt Kanoniku fl-Università ta’ Malta. Hu wkoll Visiting Lecturer fil-proċedura penali fil-Pontificia Università Gregoriana. Wettaq ħidma pastorali fil-Parroċċi ta’ Ħ’Attard, San Girgor f’Tas-Sliema u fl-Iklin. Kien ukoll Viċi Rettur tas-Seminarju Maġġuri.
F’Ruma, bejn l-2002 u l-2012, kien il-Prosekutur tal-Vatikan f’każi ta’ allegat abbużi sesswali minn membri tal-Kleru. Ivvjaġġa ħafna biex jagħti seminars dwar il-protezzjoni tal-minuri f’diversi komunitajiet lokali fl-Ewropa, fl-Asja, fl-Afrika, fl-Amerika u fl-Awstralja. Riċentement, il-Papa Franġisku reġa’ ħatru bħala l-President ta’ Kulleġġ Speċjali fi ħdan is-Santa Sede, li se jistudja l-appelli dwar offiżi serji minn Reliġjużi.
Mons Scicluna, li jservi wkoll fi ħdan il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi bħala Imħallef, mexxa wkoll il-proċess tal-Kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ Preca.