L-involviment tal-Prim Ministru Joseph Muscat fl-iskandlu tal-Cafe Premier hu gravi minnu nnifsu. Iżda l-gideb li qed isir biex jingħata l-impressjoni li Muscat ma kienx involut hu aktar gravi. Li Prim Ministru jigdeb biex isalva ġildu hu skandlu fih innifsu.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami tkellem dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-iskandlu tal-Cafe Premier, li fih hemm involut b’mod dirett Joseph Muscat.
Għalkemm ftit kien hemm dubju, illum ġie kkonfermat li Muscat iltaqa’ mad-Direttur ta’ Cafe Premier qabel l-elezzjoni ġenerali. Beppe Fenech Adami sostna li m’hawn ħadd fil-pajjiż li jemmen li fil-laqgħat ta’ qabel l-elezzjoni, Muscat ma ddiskutiex is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Cafe Premier.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista ta lista ta’ fatti li jgiddbu għal kollox lil Muscat u li ma jħallu l-ebda dubju f’moħħ il-poplu li d-deċiżjoni li l-flus mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi jintużaw biex jitħallas id-dejn tal-kumpanija, kienet deċiżjoni miftehma ma’ Muscat minn qabel l-elezzjoni. Hu rrefera wkoll għal dak rappurtat minn The Times, li Muscat qal li ma kienx involut fl-ebda ħin u fl-ebda mod. Madankollu, l-provi dwar dan ħarġu mir-rapport tal-Awditur Ġenerali stess.
Sadanittant, il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet Ryan Callus, li sostna li Muscat aġixxa b’mod stramb u mhux tas-soltu kontra kull proċedura stabbilita. Qal li dan ġie kkonfermat ukoll mir-rapport tal-Awditur Ġenerali, li ddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda stramba u li turi nuqqas ta’ trasparenza, kif ukoll gvernar ħażin.
//= $special ?>