Lokali Qorti

Olandiża tallega li Pulizija sfurzawha tfittex fil-materjal tagħha stess

F’rikors li għamlet fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, Sede Kostituzzjonali, Olandiża ta’ 36 sena u hija mwielda fir-Repubblika Domenikana qalet li d-drittijiet fundamentali tagħha nkisru meta l-Pulizija, għax kellhom suspett li kellha d-droga fuqha, intuża aġir sproporzjonat fuqha, wara li ġiet imġiegħlha tipporga u b’mod umiljanti tfittex fl-ippurgar tagħha stess.

Ir-rikors li kien iffirmat mill-Avukat Franco Debono sar kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali jgħid li Jennifer Koster, tiġi ta’ spiss biex tara s-sieħeb tagħha. Qalet li fit-18 ta’ Novembru li għadda, hija waslet Malta fuq titjira mill-Ġermanja, wara li kienet telqet mill-Olanda. Kif waslet Malta u bdiet bħas-soltu tipproċedi b’mod normali fl-Ajruport Internazzjonali. Hija qalet li għaddiet ukoll minn ħdejn l-uffiċjali tas-sigurta’ u ħarġet minn naħa tal-“arrivals”.

Wara li damet ammont ta’ ħin fil-bini tal-ajruport, hi u s-sieħeb tagħha telqu fi triqithom lejn l-Imrieħel u twaqqfu minn tliet karozzi li ma kellhom ebda indikazzjoni li kienu tal-Pulizija, misjuqa wkoll minn persuni pajżana.

Koster qalet li konsegwenza tal-aġir aggressiv ta’ dawn il-persuni, sa dak il-ħin mhux identifikati, hija u s-sieħeb tagħha nħasdu, beżgħu u saqu minn fuq il-post u li reġgħġu twaqqfu u din id-darba l-persuni identifikaw ruħhom bħala Pulizija u ġibdu lilha u lis-sieħeb tagħha barra mill-karozza tagħhom.

Minkejja li hi fl-ebda ħin ma offriet reżistenza, l-Pulizija użaw aġir sproporzjonat magħha u li aktar tard Koster spiċċat immanetjatha u skortata lejn li sptar Mater Dei. Dan mingħajr ma kienet infurmata bid-drittijiet tagħha, jew ir-raġuni għaliex kienet se tittieħed li sptar.

Kif hija twasslet li sptar, saritilha tfittxija intensiva fuq persunitha u sarulha eżamijiet oħra fosthom eżaminazzjonijiet fil-partijiet intimi tagħha. Hija ngħatat ukoll mediċinali biex tiffaċilita’ l-proċess tal-ippurgar fejn wara ġiet imġiegħla tagħmel tfittxija hi stess fil-materjal b’mod umiljanti, imbarazzanti, degradanti u inuman.

Sadanittant Koster kienet rilaxxata mill-arrest wara madwar 16-il siegħa fejn l-investigazzjonijiet kollha li saru fuqha, irriżultaw kollha fin-negattiv. Hija qalet li b’mod Kostituzzjonali l-arrest tagħha kien wieħed illegali anke skont l-Artiklu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bnidem u l-Kostituzzjoni ta’ Malta. Qalet li tali arrest ma kienx fuq suspett raġonevoli.

Fid-dawl ta’ dan kollu Jennifer Koster qalet li hija qed titlob lill-Qorti tiddikjara lki fil-mument li ġiet arrestata u waqt il-kontinwazzjonio tal-arrest kienu miksura d-drittijiet d-drittijiet fundamentali tagħha għal ħelsien mill-arrest u ddikjarat li waqt l-istess arrest kienu miksura wkoll id-drittijiet fundamentali tagħha għal ħarsien mill-projbizzjoni tat-tortura u għalhekk qed titlob lill-Qorti biex takkorda ir-rimedji effettivi u xierqa fiċ-ċirkostanzi. Flimkien mal-Avukat Franco Debono qegħdin jidhru għal Koster l-Avukati Marion Camilleri u Angie Muscat.