Lokali

“Se nwettaq reshuffle fin-nies ta’ madwari” – L-Arċisqof Charles Scicluna

Se nkun qed inwettaq reshuffle fin-nies ta’ madwari iżda rrid inżomm bilanċ bejn l-element żagħżugħ u l-esperjenza fi ħdan it-tmexxija tal-Knisja.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal dan waqt il-programm Xarabank ftit sigħat biss wara wara li nħatar bħala l-Arċisqof il-Ġdid ta’ Malta.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li huwa xtaq isir l-Arċisqof ta’ pajjiżna u se jsarraf dan f’impenn lejn il-Knisja.

Huwa qal li l-ewwel persuni li kienu mgħarrfa bil-ħatra tiegħu kienu l-ġenituri tiegħu. “Bkejna flimkien” qal b’vuċi emozzjonata l-Arċisqof Charles Scicluna.

L-Arċisqof il-ġdid reġa’ fetaħ beraħ id-dibattitu dwar l-edukaturi fl-Iskejjel tal-Knisja u tenna li huwa jistenna li l-persuni li jinsabu f’karigi ta’ tmexxija fl-Iskejjel tal-Knisja għandhom jħaddnu t-tagħlim kattoliku tal-Knisja.

Huwa tenna l-impenn tiegħu li l-Knisja tindirizza l-abbużi sesswali partikolarment bil-Kummissjoni li twaqqfet fix-xhur li għaddew u saħaq li hu se jkun qed jisħaq fuq kultura ta’ prevenzjoni.

B’rabta mal-każ ta’ Angelik Caruana, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-investigazzjoni tal-Knisja għadha għaddejja u riesqa lejn tmiemha.

Iċ-ċerimonja ta’ pussess tal-Arċisqof Charles Scicluna se ssir nhar is-Sibt 21 ta’ Marzu.