Internazzjonali

Tarbija maħtufa minn sptar tinstab wara 17 il-sena

Mara residenti fl-Afrika t’Isfel tressqet il-qorti biex twieġeb għall-akkużi li kienet ħatfet tarbija minn sptar ta’ Cape Town daqs 17 il-sena ilu.

Intant, it-tarbija llum hi tfajla adolexxenti u bħalissa għaddejja minn programm estensiv ta’ counselling wara li setgħet tiltaqa’ mill-ġdid mal-ġenituri proprji tagħha, Celeste u Morne Nurse.

Dan sar possibbli wara li t-tfajla bdiet tattendi l-istess skola bħal oħtha proprja – bil-familja ‘bioloġika’ tagħha tinduna bix-xebħ inkredibbli bejn l-aħwa. Fil-fatt, din il-familja kienet stiednet lit-tfajla biex tmur għandhom għall-kafe u mbagħad ikkuntattjat il-pulizija.

Aktar ‘il quddiem, il-provi tad-DNA ikkonfermaw l-identita tat-tfajla, li, fil-preżent, qed jieħdu ħsiebha l-ħaddiema soċjali.

Ommha, Celeste, qalet li ‘bħalissa tħossha qisha qed tgħix ħolma sabiħa ladarba saret taf x’seħħ minn bintha l-mitlufa’.

L-omm irrakkuntat dwar ‘ir-reazzjoni inkredibbli’ wara li t-tfajla (li ma ssemmietx) kienet iltaqgħet ma’ oħtha, Cassidy. Intant, din il-mara tinsab ferħana se ttir talli ‘l-familja kollha, issa, tista’ tiċċelebra għeluq snin bintha li jaħbat fit-28 ta’ April’.

Il-mara arrestata fil-każ għandha 50 sena u hi u żewġha m’għandhom l-ebda tfal ‘oħra’. L-istess mara trid twieġeb għal akkużi dwar il-ħtif ta’ persuna; kif ukoll dwar att ta’ frodi u abbuż tal-hekk-imsejjaħ ‘Children’s Act’ fejn lagħbet il-parti tal-‘omm bioloġika’ tat-tarbija biex tqarraq bin-nies għall-iskopijiet tagħha.