Jidher li t-tmexxija fil-belt kapitali Libjana Tripli hi lesta li tidħol fi djalogu mal-Gvern Libjan f’Tobruk kif ukoll li tibda tosserva waqfien mill-ġlied. Dan wara żjara fil-pajjiż minn delegazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti f’Zawara.
L-aħbar ingħatat ġimagħtejn wara li kien beda djalogu bejn iż-żewġ naħat organizzat min-Nazzjonijiet Uniti f’Ghadames u li kienu interrotti wara x-xandir tal-filmat tal-ISIS joqtlu ostaġġi Eġizzjani u bħala reazzjoni tal-attakki mill-ajru mill-Eġittu.
Sadattant il-Prim Ministru Libjan Abdullah Al-Thinni bbażat f’Tobruk mar Moska għal taħditiet mal-Gvern Russu dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Qabel hu għamel waqfa l-Eġittu fejn ukoll iddiskuta l-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Ir-Russja qalet li kienet favur li jitneħħa l-embargo tal-armi kontra l-Libja. Vitaly Churkin, ir-rappreżentant Russu għan-Nazzjonijiet Uniti qal ukoll li Moska kienet lesta li jkollha rwol fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-Libja partikolarment permezz tal-imblokk tal-ibħra Libjani biex tiġi kkontrollata t-theddida mill-ISIS.
Tfeġġ ftit tama fi Tripli
