Lokali Qorti

Tnejn jammettu u wieħed le wara ġlieda fil-Marsa

Żewġ Libjani u raġel miċ-Chad tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona wara ġlieda kbira fil-Marsa. Tnejn mit-tliet irġiel jgħixu f’ċentri ta’ detenzjoni filwaqt li l-ieħor huwa residenti l-Ħamrun.
Mohammat Issa Ibraqhim ta’ 28 sena miċ-Chad ammetta li fil-25 ta’ Frar li għadda mhux biss kien involut fi ġlieda, imma kiser il-paċi pubblika u fuqu personali nstabu 0.3 grammi ta’ kannabis. Huwa ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sitt xhur.
Il-Libjan El Ragig Mohammed ta’ 28 sena, li jgħix fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far ammetta li kien involut fil-ġlieda għall-ħabta tad-9.00 p.m.,  u li hu ġġieled li kiser il-paċi pubblika u li kien fis-sakra. Huwa ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin.
Minn naħa tiegħu Ali Mohammed Said Ibrahim li kellu l-istess akkużi tal-Libjan, m’ammettiex l-akkużi miġjubin kontrih u ngħata l-pleġġ fuq garanzija personali ta’ €5,000.

L-Avukat Simon Micallef Stafrace deher għal Libjani u r-raġel miċ-Chad. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Edel Mary Camilleri.