Lokali

Angelik Caruana jwaqqaf lill-psikjatra milli jiżvela l-konklużjonijiet tar-rapport tiegħu dwar l-allegati dehriet

Permezz ta’ ittra legali, Angelik Caruana waqqaf lill-Psikjatra Mark Xuereb milli jiżvela l-konklużjonijiet tar-rapport tal-investigazzjoni tiegħu dwar l-allegati dehriet tal-Madonna f’Borġ in-Nadur.

Il-Psikjatra Mark Xuereb qal li 24 siegħa qabel beda l-programm Xarabank, fejn kellu jiżvela l-konklużjonijiet tar-rapport, huwa rċieva ittra uffiċjali li fiha Angelik Caruana u martu rtiraw il-kunsens tagħhom biex Xuereb jitkellem dwar dan ir-rapport.

Fil-programm Xarabank il-preżentatur Peppi Azzopardi qara stqarrija ta’ Angelik Caruana li fiha ntqal li l-psikjatra Mark Xuereb twaqqaf milli jinvestiga l-każ minħabba li l-każ irid ikun investigat b’mod kostintenti u ħolistiku u mhux biss minn lenti psikjatrika.

Minn naħa tiegħu Dr Xuereb qal li l-koppja Caruana ma baqgħetx tikkomunika miegħu madwar sentejn ilu u kkonferma li huwa għadda r-rapport tiegħu lill-Kurja Maltija.

Huwa qal li se jħalli f’idejn il-poplu biex jiġġudika dan il-każ u f’idejn il-Knisja biex tanalizza tajjeb ir-rapport tiegħu dwar l-allegati dehriet.