Bugħaddas ta’ 36 sena miż-Żejtun li kien għaddej b’xogħol f’wieħed mill-baċiri tat-Tarzna ta’ Palumbo fil-Kottonera sab ruħu f’diffikultajiet u sfortunatament tilef ħajtu.
Dan minkejja li mmedjatament bdiet operazzjoni konġunta bejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Forzi Armati ta’ Malta.
Kien għall-ħabta ta’ nofsinhar neqsin kwart li l-Pulizija ġew infurmati li l-bugħaddas li kien niżel jogħdos sabiex jagħmel xi xogħol f’wieħed mill-baċiri, għal xi raġuni kien għadu ma telax minn taħt l-ilma.
Malli ttella’ minn taħt il-baħar, l-għaddas beda jingħata l-ewwel għajnuna, inkluż is-CPR. Minn hemm imbagħad hu ttieħed lejn l-Isptar Mater Dei għall-kura. Madankollu t-tentattivi biex ir-raġel isalva kienu kollha għalxejn.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr N Camilleri LL.D li ħatar diversi esperti biex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
//= $special ?>