Ilbieraħ, ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli u x-Shadow Minister tal-Edukazzjoni u l-Impjiegi Therese Comodini Cachia komplew jiltaqgħu ma’ aktar ħaddiema u rappreżentanti tal-ħaddiema tal-Enemalta li għaddejjin minn perjodu diffiċli ħafna.
Stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista tgħid li l-inċertezza li għaddejjin minnha l-ħaddiema tal-Enemalta qed tkun fuq l-aġenda ta’ dawn il-laqgħat, hekk kif il-ħaddiema tal-Enemalta ma jafux x’se jkun il-futur tagħhom.
Wara l-laqgħa mal-Union Ħaddiema Magħqudin, ilbieraħ, l-Oppożizzjoni kellha laqgħa mal-Enemalta Senior Staff Union – laqgħa li matulha ġiet diskussa s-sitwazzjoni attwali.
L-Oppożizzjoni bagħtet stedina lill-Unions kollha li għandhom membri tagħhom ħaddiema l-Enemalta biex isiru laqgħat dwar l-inċertezza li għaddejjin minnha l-ħaddiema membri tagħhom, iżda l-General Workers’ Union kienet l-unika union li rrifjutat l-istedina.
L-istqarrija ttemm tgħid li fil-jiem li ġejjin, kemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kif ukoll ix-Shadow Ministers se jibqgħu jiltaqgħu ma’ aktar ħaddiema, kif ukoll jagħmlu pressjoni mal-Gvern biex tieqaf minnufih id-diskriminazzjoni li teżisti bejn il-ħaddiema fl-opportunitajiet li qed jingħataw bħala xogħlijiet ġodda.
//= $special ?>