Lokali Parlament

Il-Gvern m’għandux dritt jirredikola l-proġett ta’ Renzo Piano minħabba obbligi elettorali

L-Oppożizzjoni ma tifhimx id-deċiżjoni tal-Gvern, u l-iskużi li qed isib biex ma jagħmilx ir-riabilitazzjoni tal-Foss tal-Belt

Il-Gvern, għalkemm qatt ma ried il-proġett disinjat minn Renzo Piano għad-Daħla tal-Belt, m’għandux dritt jirredikolah għaliex għandu obbligi elettorali, kif irnexxielu jagħmel biċ-ċaqliq tal-monti għall-ħdejn il-binja l-ġdida tal-Parlament u qrib is-sit tat-Teatru Rjal.

Id-Deputat Nazzjonalista Charlò Bonnici, ikkritika fil-Parlament id-deċiżjoni tal-Gvern li jarma l-monti maġenb il-proġett ta’ Renzo Piano u qrib is-simbolu tad-demokrazija – il-Parlament il-ġdid.

Dan hu proġett li, għalkemm il-gvern tal-lum qatt ma riedu, m’għandux dritt li jirredikolah mingħajr ma jħares ukoll fit-tul. Staqsa x’se jiġri meta Malta tilqa’ l-Presidenza tal-UE u fis-sena tal-Belt Kapitalli Ewropea tal-Kutura.

Staqsa lill-Gvern kemm qed jikkunsidra u jħares lejn il-pubbliċità negattiva li tista’ tingħata l-belt kapitali tagħna.
Staqsa wkoll għall-opinjoni taċ-Chairman li għandu f’idejh ir-responsabbiltà tat-twettiq ta’ dan il-proġett, Stefan Zrinzo Azzopardi.

Charlò Bonnici rrimarka wkoll li ma jifhimx id-deċiżjoni tal-Gvern, u l-iskużi li qed isib biex ma jagħmilx ir-riabilitazzjoni tal-Foss tal-Belt, bil-Gvern jgħid li ma jridx ikollu x’jaqsam mal-pjan u l-proġett li ppjana Renzo Piano għal dan il-foss, li kien parti wkoll integrali mill-proġett tad-daħla tal-Belt.

Tkellem ukoll dwar il-miżuri li qed idaħħal il-Gvern b’żieda fil-ħlasijiet li l-poplu se jkollu jħallas għas-servizzi mid-dipartimenti ta-Gvern.

Charlò Bonnici qal li għandna Gvern li qabel l-elezzjoni kellu l-għajta li jnaqqas il-burokrazija u l-piżijiet, u llum qed iżid it-taxxi u l-pizijiet, bl-iskop li jkopru l-ispiża tal-Gvern.

Charlò Bonnici qal li l-Gvern irid li jara li jkun effettiv, u jara li mhux iżid it-taxxi u t-tariffi iżda li jagħmel il-massimu fl-effiċjenza u mhux jgħabbi s-settur pubbliku b’aktar nies u piżijiet. Appella lill-Gvern jinvesti aktar fis-servizzi tal-informatika. Staqsa lill-Gvern kemm qed jinvesti f’dan ir-rigward u biex jispjega r-roadmap tiegħu f’dan il-qasam.

Tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, u fisser li hekk kif is-sitwazzjoni qed turi li ħarbet minn kull kontroll, qed tirrenja ċertu biża’ wkoll f’pajjiżna, anke bit-theddid tal-Istat Iżlamiku li qed juri snienu anke fil-mod kif qed juża l-media soċjali.

Semma wkoll kif Maltin sofrew ħafna min-negozju li kellhom fil-Libja. Appella lill-Gven għall-appoġġ meħtieġ lil kull min intlaqat ħażin fil-Libja u li kellu jirtira l-attività ekonomika tiegħu, fosthom kumpaniji kbar bħall-investimenti mill-Corinthia, minn St James, kif ukoll ħafna ħaddiema li kelhom jirritornaw lura Malta.

Appella wkoll biex f’Malta jibqa’ jirrenja kunsens fil-politika barranija, nibqgħu magħqudin fil-konfront tat-terroriżmu u favur il-valur tal-ħajja.

Saħaq ukoll fuq l-importanza li nieħdu l-inizjattiva fil-Kunsill Ewropew biex nibqgħu nżommu l-Mediterran fuq l-aġenda tal-Ewropa u tal-fora oħra internazzjonali.Appella biex ma niżolawx ruħna mill-pożizzjonijiet li jittieħdu mill-pajjiżi tal-UE.

Charlò Bonnici semma wkoll li filwaqt kulħadd jifhem il-limitazzjonijiet ta’ pajjiżna, hu importanti li nserrħu l-moħħ tal-poplu li l-armata kapaċi wkoll tikkontribwixxi, anke mil-lat loġistiku, waqt li s-sigurtà ta’ pajjiżna tingħata wkoll l-attenzjoni meħtieġa.