L-Oppożizzjoni mhix biss qed tikkritika lill-Gvern għal mod kif qed iżid it-taxxi, iżda ressqet proposti dwar kif il-Gvern għandu jaħdem
Is-soluzzjoni tal-Gvern li jżid il-ħlasijiet fis-servizzi li joffri l-Gvern stess lill-pubbliku, hi raġunar ta’ gvern li qata’ qalbu li jnaqqas l-ispiża u jkun effiċjenti.
Ix-Shadow Minister għall-Ekonomija, Claudio Grech, qal fil-Parlament fid-dibattitu dwar Abbozz ta’ Liġi li fih il-Gvern qed idaħħal żidiet f’400 servizz li joffri hu stess fid-dipartimenti tas-settur pubbliku, li l-amministrazzjoni pubblika għandna npoġġuha fuq sisien sodi u permanenti.
Claudio Grech ikkritika lill-Gvern li f’diskors tal-Baġit ta’ erba’ sigħat il-Ministru tal-Finanzi ma sabx il-ħin biex isemmi dawn il-miżuri li l-Parlament qed jiddiksuti issa f’Abbozz li jinkludi 400 servizz li l-ħlas u t-tariffi tagħhom qed jiżdiedu b’medja ta’ 10%. Eżerċizzju li ma jħalli ebda konklużjoni li twettaq biex ipatti ftit għan-nefqa kbira fis-settur pubbliku.
Fisser li dawn iż-żidiet jolqtu lil kulħadd, bil-Gvern fid-diskussjoni dwar dan l-Abbozz mhux qed jitkellem dwar dawn is-servizzi, ħlief għal riferenza waħda li saret mill-Ministru Carmelo Abela biex iħabbar li l-Gvern qed jirrevedi l-miżuri fl-Abbozz – dik li ż-żieda għat-tiġdid tal-passaport se tkun ta’ €10 flok €30, biex issa l-ħlas se jiżdied għal €80 flok ta’ €100.
Spjega li l-Oppożizzjoni mhix biss qed tikkritika lill-Gvern għal mod kif qed iżid it-tariffi tas-servizzi li joffri b’10%, iżda wkoll ressqet proposti dwar kif il-Gvern għandu jaħdem.
Is-soluzzjoni tal-Gvern li jnaqqas il-burokrazija billi jżid it-tariffi tas-servizzi li joffri l-istess gvern, qed tolqot l-aktar lil min hu bi dħul baxx. Soluzzjoni wkoll li turi li dan hu gvern li mhux business friendly.
Fil-kuntest tal-amministrazzjoni pubblika, Claudio Grech qal li l-Gvern qed iżid l-400 tariffa b’10% biex jiffinanzja l-amministrazzjoni pubblika li qed tiżdied u tikber flok titnaqqas.
Wasal iż-żmien li l-Parlament jeleva d-diskussjoni fuq l-amministrazzjoni pubblika u jitlaq ftit mill-kuntesti legali biex imur aktar lejn l-element dwar kif is-servizz pubbliku qed jingħata, u kif għandu jingħata.
Semma li l-ewwel deċiżjoni li ħa fl-ewwel jiem ta’ dan il-Gvern, kien li jneħħi s-Segretarji Permanenti fil-Ministeri tal-Gvern u minflok ħatar persuni ta’ fiduċja tiegħu. Ix-Shadow Minister saħaq li filwaqt li hu importanti li jkun hemm element ta’ fiduċja, il-mod kif il-Gvern kines lill-ogħla uffiċjali wera li dan hu Gvern li qed jibni settur pubbliku iggerjat lejn il-gvern tal-ġurnata, u parti oħra tas-settur li tħossha mwarrba u injorata mill-gvern tal-ġurnata.
Appella biex l-att dwar is-servizz pubbliku jitjieb u kien f’dan il-kuntest li l-Oppożizzjoni diġà tkellmet fuq tliet proposti konkreti, bil-Gvern ma jagħmel ebda reazzjoni ta’ xejn.
Meta jkun hemm bidliet fit-tariffi, il-Gvern għandu jwaqqag kunċett ta’ working group mill-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili b’diskussjoni dwar fejn iridu jiżdiedu t-tariffi, kif għandhom jiżdiedu u l-impatt jħallu ż-żidiet. L-Oppożizzjoni wkoll ipproponiet li fejn hemm servizzi pubbliċi li jingħataw b’mod elettroniku, minflok ma jżid it-tariffa għandu jnaqqashom. Dan biex iħajjar lill-individwu juża s-servizz elettroniku. Dan hu wkoll applikat f’pajjiżi avvanzati. Proposta oħra tal-Oppożizzjoni hi biex il-Gvern jagħti importanza lill-iżvilupp tas-servizzi elettroniċi.
L-Oppożizzjoni temmen li l-infrastruttura tal-Gvern tiflaħ toffri s-servizzi kollha b’mod elettroniku filwaqt li tħalli xorta l-ispazju lil min hu avvanzat fl-età li jinqeda mid-dipartimenti.
Jekk il-Gvern se jkompli jinvesti, saħaq ix-Shadow Minister Claudio Grech, jista’ jnaqqas l-ispiża b’aktar investiment fit-teknoloġija u mhux li jżid it-tariffi.
Appella lill-Gvern jilqa’ l-proposta tal-Oppożizzjoni għal diskussjoni wkoll fil-Parlament biex ċertu pożizzjonijiet għolja fil-Gvern isiru u jiġu skutinjati minn Kumtat speċjali tal-Parlament.
//= $special ?>