Lokali

Il-każ ta’ Cafe Premier – Imprenditur privat jagħmel l-istess offerta tal-Gvern

Id-diretturi ta’ Cities Entertainment, li kienu qed imexxu l-Café Premier, kienu rċevew offerta mill-privat li kienet identika għal dik tal-Gvern.

Il-gazzetta Times of Malta żvelat li l-imprenditur Anġlu Xuereb kien offra 4.2 miljun ewro biex jixtri l-kirja tal-Café Premier. Anġlu Xuereb qal li l-ftehim ma sarx għaliex id-direttur talbu somma ikbar, li hu ma kienx lest iħallas.

Times of Malta tkompli li erbat ijiem wara li waqgħet l-offerta ta’ Anġlu Xuereb, id-diretturi ta’ Cities Entertainment, Mario Camilleri u Neville Curmi, għamlu talba ta’ ħlas ta’ ħames miljun u 370 elf ewro bħala punt ta’ tluq tad-diskussjonijiet.

Dan kollu seħħ wara li kien ltaqgħu mal-Prim Ministru Joseph Muscat f’April tal-2013, xahar wara l-elezzjoni ġenerali.

Muscat stess kien ammetta li ltaqa’ mad-diretturi ta’ Café Premier anki qabel l-elezzjoni ġenerali.

Fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali kkundanna n-nuqqas ta’ transparenza u n-nuqqas ta’ governanza għaqlija f’dawn in-negozjati li fihom il-Gvern ħareġ 4.2 miljun ewro – fosthom commission ta’ 210,000 ewro minn fondi pubbliċi lill-kumpanija ta’ wieħed mid-diretturi ta’ Café Premier. 

L-iskandlu tal-Premier u l-involviment dirett tal-Prim Ministru Joseph Muscat fit-trattattivi kienu trattati f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-ViċiKap tal-Partit Nazjonalista Beppe Fenech Adami u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Artijiet Ryan Callus.

Beppe Fenech Adami sostna li kien ir-rapport tal-Awditur Ġenerali steess li jgiddeb lill-Prim Ministru u li jipprova bil-fatti l-involviment tal-Prim Ministru fil-każ.

Il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Artijiet Ryan Callus qal li Joseph Muscat mar kontra kull proċedura u kien l-Awditur Ġenerali stess li ddikjara li din kienet sitwazzjoni stramba li fiha kien hemm nuqqas ta’ trasparenza u tmexxija tajba.

Ryan Callus sostna li l-Gvern kellu diġà kawża l-qorti kontra l-kumpanija biex jinġabru l-arretrati iżda mhux magħruf min iddeċieda li din titwaqqaf.

Ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja qal li Muscat ma kellux għalfejn jonfoq flus il-poplu għaliex kumpanija privata offriet l-istess ftehim.