L-eks-Kap tas-servizzi sigrieti Britanniċi (M16) qal li r-Russja saret ‘perikoluża’ għar-Renju Unit u li l-Britanniċi jeħtieġu jkunu lesti jieħdu passi ħalli jiddefendu lilhom infushom u l-alleati tagħhom.
Sir John Sawers, li rtira wara ħames snin imexxi s-‘Secret Intelligence Service’, qal lill-programm ‘Today’ tal-BBC 4, li r-Russja ‘qed issostni theddida fuq livell ta’ Stat għal Stat’ u li r-Renju Unit irid jikkonfronta dawn is-sitwazzjonijiet b’li jonfoq aktar fuq id-difiża.
Madankollu, Sawers ħeġġeġ biex pajjiżu jindirizza l-kwistjonijiet mar-Russja ‘b’aktar djalogu’. Fl-istess ħin, hu esprima diżappunt għall-fatt li l-Ewropa u r-Russja naqsu milli javviċinaw lil xulxin ‘tassew’ wara t-tmiem tal-Gwerra Bierda.
L-eks-Kap tal-M16 qal li t-theddida tar-Russja mhux neċessarjament hi diretta speċifikament għar-Renju Unit, meta jistgħu ‘jinkwadraw fiha wkoll’ il-ġirien tal-Britanniċi.
‘Ir-Russja qed tkompli tfakkarna li għandha l-armi nukleari u, almenu f’dan il-qasam, jidher li l-pajjiż hu fuq l-istess livell tal-Istati Uniti’, sostna Sawers.
B’hekk hu irid żieda fid-djalogu ‘meta ħadd ma jrid xi ripetizzjoni tal-kriżi tal-missili ta’ Kuba li seħħet, fl-1962, waqt l-eqqel tal-Gwerra Bierda u meta d-dinja kienet spiċċat f’xifer gwerra nukleari.’
//= $special ?>