Lokali

‘Iva bħala Maltin u Ewropej’ – is-slogan tal-kampanja favur il-kaċċa fir-Rebbiegħa

‘Iva bħala Maltin u Ewropej’. Dan kien is-slogan magħżul u mniedi fil-kampanja favur il-kaċċa fir-Rebbiegħa s-Sibt filgħodu.

Kuntrarju għal dak li kien maħsub li l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti l-FKNK kienet se tagħti direttiva biex il-kaċċaturi jastjenu mill-vot, intqal li ttieħdet id-deċiżjoni anki fuq talba ta’ diversi kaċċaturi stess, sabiex jitwassal il-messaġġ li n-nies joħorġu bi ħġarhom u jivvutaw Iva fir-referendum tal-11 ta’ April.

L-avukat Kathleen Grima, il-kelliema prinċipali għal din il-kampanja, spjegat l-għażla tal-islogan għal din il-kampanja – dik li l-Maltin u l-Għawdxin huma ċittadini Ewropej u għandhom ikollhom l-istess drittijiet daqs ċittadini oħra fl-Unjoni Ewropea. Hija fakkret kif iż-żewġ mexxejja tal-Partiti Politiċi qablu favur din il-kawża u hemm l-appoġġ ukoll ta’ diversi membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra. “B’dak li qed ngħidu u kif ha nivvutaw qed niddefendu t-tradizzjoni soċjo kulturali. Il-parteċipazzjoni tagħna f’din il-kampanja se tkun waħda attiva u pożittiva” sostniet Kathleen Grima.

Tħabbar ukoll li fil-jiem li ġejjin se jitħabbru aktar attivitajiet pubbliċi fosthom li jitħawwlu 42 siġra sal-ġurnata finali tar-referendum.