“L-imħabba tiegħi lejn il-baħar, u b’mod speċjali lejn l-għadis nafha grazzi għal Patrick.”
Kliem ħabib ta’ Patrick Vella, l-għaddas ta’ 36 sena miż-Żejtun li sfortunatament tilef ħajtu f’inċident traġiku waqt li kien għaddej b’xogħol fuq il-kexxun ta’ wieħed mill-baċiri tat-tarzna iktar kmieni matul il-ġurnata tas-Sibt.
Mill-ewwel informazzjoni jidher li Patrick niżel għal dik li kellha tkun l-aħħar biċċa xogħol tiegħu għall-ħabta tal-11.30 ta’ filgħodu. Imma wara li għadda xi ħin, u l-għaddas baqa’ ma tfaċċax, sar rapport u ntalbet l-għajnuna.
Patrick ma kienx impjegat direttament tal-kumpanija Palumbo, sidien tat-tarzna, imma ntbagħat fuq dan ix-xogħol mill-kumpanija SalpaSub, li jispeċjalizzaw f’dan ix-xogħol.
Sfortunatament jidher li xi ħaġa marret ħażin, b’Patrick jinstab imwaħħal f’toqba fl-istess baċir wara operazzjoni ta’ tiftix minn ħames għaddasa mill-Forzi Armati ta’ Malta u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Patrick għandu esperjenza vasta bi snin twal f’dan ix-xogħol. Dan minbarra li akkumpanja għexieren ta’ għaddasa għal snin twal.
Filfatt uħud minn dawn l-għaddasa tkellmu magħna u xtaqu jfakkru lil Patrick għall-imħabba li kellu lejn il-baħar, u biex permezz tal-esperjenzi u t-tifkiriet tagħhom dwar Patrick, tinżamm memorja ta’ persuna li tant għamel magħhom.
Fi kliemu stess fuq Facebook, Patrick kien kiteb hekk: “Minn dejjem niftakarni nipprattika l-isnorkeling madwar Dellimara u l-Bajja ta’ San Tumas. Mal-ewwel ċans li kelli ippruvajt l-iscuba diving u tant sirt inħobb dan l-isport li llum inqatta’ terz tal-ġurnata taħt l-ilma … taħt l-ilma sar it-tieni uffiċċju tiegħi.”
“Meta tkun taħt l-ilma tibda tosserva immedjatament il-ħajja ta-baħar, tosserva l-imġieba impressjonanti tal-organiżmi taħt l-ilma u titgħallem tapprezza d-diversità tan-natura.”
Patrick ħalla warajh lill-ġenituri tiegħu, martu u tliet uliedu.
//= $special ?>