Internazzjonali

Theddida anki min-nisa tal-ġiħadisti…?

Filwaqt li l-Italja u l-Ewropa qed ikunu dejjem aktar kawti dwar it-theddida terroristika tal-grupp Stat Iżlamiku (ISIS), is-servizzi sigrieti, issa, irreferew għas-sogru li n-nisa jew il-qraba femminili tal-ġiħadisti jippruvaw iwettqu l-attakki fl-artijiet Ewropej ‘fejn jieħdu l-istimolu mill-atti tal-irġiel tagħhom imsieħba mal-ISIS’.

Rapport speċifiku irrefera għal ‘ġenerazzjoni ġdida ta’ ġiħadisti’ li qed tiżviluppa fl-Ewropa u li tinvolvi ż-żgħażagħ – ħafna minnhom esperti fil-kompjuters u l-informatika. Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, f’din is-sitwazzjoni, iservu wkoll bħala ċentru għar-reklutaġġ ta’ dawn il-militanti jew ‘mujahedeen’ aspiranti mid-diversi gruppi terroristi.

Intant, is-servizzi sigrieti Taljani infurmaw lill-Parlament ta’ Ruma li l-Italja saret ‘mira potenzjali’ għat-terroristi Iżlamiċi ‘minħabba l-valur simboliku tagħha bħala l-epiċentru tal-Kristjaneżmu’.

Madankollu, is-servizzi sigrieti għamluha ċara li, għalissa, ma kixfu l-ebda ‘attivitajiet jew pjani’ mill-entitajiet tat-terroristiċi biex iwettqu l-attakki speċifiċi.