Internazzjonali

X’armi għandu l-ISIS?

Il-grupp tal-ISIS seta’ jiddikjara Kalifat fl-Iraq wara sensiela ta’ suċċessi militari kontra l-qawwiet Iraqqin fiz-zoni tat-Tramuntana u l-Punent.

L-ISIS setgħu javvanzaw u jokkupaw l-artijiet wara li ħatfu t-tagħmir militari lis-suldati Iraqqin li kienu kostretti li jaħarbu. Fil-fatt, it-terroristi tal-grupp kienu kapaċi jibnu Armata konvenzjonali ladarba kkonsolidaw posthom fil-belt ta’ Mosul.

Ħafna mill-armi li t-terroristi tal-ISIS irnexxielhom jaħtfu minn Mosul kienu ngħataw lill-Armata tal-Iraq mill-Istati Uniti. Fl-istess ħin, il-ġiħadisti tal-ISIS għandhom ukoll l-armi prodotti fir-Russja, iċ-Ċina, l-Iran u l-pajjiżi Balkani.

Hawnhekk qed nagħtu ħarsa lejn l-armamenti u t-tagħmir militari li spiċċaw jew ‘setgħu spiċċaw’ f’idejn l-ISIS:

isis t55

    •  Jaħsbu li t-terroristi għandhom mat-30 tank tal-gwerra ‘T-55′ li l-eks-Unjoni Sovjetika pproduċiet bejn l-aħħar tat-Tieni Gwerra u s-snin tmenin. Mhux magħruf, intant, kif l-ISIS jista’ jlaħħaq mal-manutenzjoni tat-tankijiet jew kif qed jużahom ‘għal waqt il-battalji’. Fatt interessanti dwar it-‘T-55’ hu li minkejja li tgerrbu s-snin, dan it-tank tal-gwerra għadu qed jintuża minn xi 50 Armata madwar id-dinja.

t72 isis

    • Sadanittant, jaħsbu li l-ISIS għandu wkoll ‘minn ħamsa sa għaxar’ tankijiet tal-gwerra Sovjetiċi tat-tip T-72. L-ewwel mudelli ta’ dan it-tank kienu prodotti fl-1971, bil-produzzjoni għadha għaddejja llum. Anki f’dan il-każ mhux magħruf jekk l-ISIS jistgħux jaċċertaw li t-tankijiet speċifiċi se jibqgħu jiffunzjonaw għat-tul taż-żmien.

isis-hummer

    • Meta t-terroristi tal-ISIS daħlu f’Mosul, xhur ilu, kienu ħatfu kwantita ta’ vetturi armati ta’ manifattura Amerikana magħrufa bħala Humvees — u li l-Istati Uniti ipprovdiet lill-Armata tal-Iraq. Il-vetturi jippermettu għall-moviment rapidu fid-deżert u f’zoni ‘diffiċli’ oħra. Fl-istess ħin il-vetturi għandhom ‘qafas’ irrinfurzat għal difiża effettiva f’sitwazzjonijiet fejn jispiċċaw mira ta’ aggressuri b’azzarini tat-tip Kalashnikov. Il-vetturi ‘Humvee’ kapaċi jilqgħu anki għall-effetti indiretti ta’ splużjonijiet fl-istess inħawi.

isis

    • U ladarba semmejna l-Kalashnikov — jew l-azzarin AK-47 (ukoll żviluppat mis-Sovjetiċi) — hu minnu li dan qed jintuża minn ħafna ġiħadisti mal-ISIS. L-AK-47 hu ‘l-favorit’ ta’ diversi Armati u qawwiet irregolari madwar id-dinja, waqt li hu pjuttost faċli li wieħed jakkwistah.

osa missile

    • Ir-rocket launcher semi-awtomatiku tat-tip M79 Osa hu effettiv ferm kontra t-tankijiet tal-gwerra u l-pożizzjonijiet tad-difiża. L-esperti jaħsbu li l-arma inkwistjoni oriġinat fil-Kroazja u li ‘l-Arabja Sawdija użat il-mezzi sigrieti biex tgħaddi l-mudelli tagħha lir-ribelli fis-Sirja’. Intant, numru minn dawn il-launchers spiċċaw f’idejn l-ISIS li qed jużawhom anki fiz-zoni tal-Iraq.

isis howitzer

    • Hu probabbli wkoll li l-ISIS ħatfu diversi biċċiet tal-artillerija tat-tip Howitzer wara li s-suldati tal-Armata Iraqqija ħarbu mill-bażijiet tagħhom. L-M198 Howitzer hu tip ta’ artillerija li jrid jinġibed minn lokalita għall-oħra u l-Armata tal-Istati Uniti kienet bdiet tużaha wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra.

ywtv1r

    • L-ISIS jistgħu għandhom anki l-kanun tat-Tip 59-1, li hu l-versjoni Ċiniża tal-kanun Sovjetiku M-46 M1954. Il-versjoni M-46 kienu pproduċewha s-Sovjetiċi fl-1954 u kien hemm żmien meta l-kanun kien l-aktar fost is-sistemi kollha tal-artillerija fid-dinja li jwassal fuq distanzi kbar (b”firing range’ fuq massimu ta’ 17 il-mil).

592

    •  Arma oħra tal-qawwiet Iraqin u li ntużat ħafna waqt il-Gwerra Ċivili tas-Sirja hi z-ZU-23-2 — kanun Sovjetiku għal kontra l-ajruplani li l-produzzjoni tiegħu bdiet fl-1960 u għadha għaddejja. Dan jispara ballal tat-tip 23 mm b’rata ta’ ‘400 fil-minuta’.

Bv1tm_Ri_CUAAa_WBr_jpg_large

    • Mhux eskluż li t-terroristi tal-ISIS ħatfu kwantita ta’ missili tat-tip ‘surface to air’ mill-bażijiet militari tal-Iraq u li jistgħu jinġarru faċilment . Terrorista jista’ juża wieħed minn dawn il-missili biex iwaqqa ħelikopter jew ajruplan minn distanzi notevoli.

hqdefault

    • Mifhum li l-ħażna tal-ISIS tinkludi missila għal kontra t-tankijiet tat-tip HJ-8, li ċ-Ċina ilha tipproduċi mis-snin tmenin. Il-missila hi effettiva ferm kontra l-vetturi armati, il-bunkers u fortifikazzjonijiet oħra. Fil-fatt, ir-ribelli Sirjani ilhom jużaw b’suċċess dawn il-missili kontra l-Armata tal-President Bashar al-Assad, waqt il-gwerra ċivili tas-Sirja.

image

    • Hu mifħum li l-ISIS irnexxielhom jiksbu wkoll xi ajruplani militari.Fost dawn hemm L-392A Albatros kif ukoll xi MiG-21 imma hemm dubji dwar kemm huma f’kundizzjoni tajba li jintużaw.

bmp isis

    • L-ISIS għandu wkoll diversi tipi ta’ vetturi armati li ħa mill-Armata tal-Iraq u tas-Sirja. Dawn ivarja minn tip Amerikan għal Sovjetiku jew Russu u Ċiniż.
    • B94Qd7uCAAIG72d.jpg-large

    • Sadanittant, it-terroristi tal-ISIS qed jużaw il-kapaċitajiet għall-medja soċjali bħala forsi l-aktar ‘arma’ effettiva. Il-grupp ta spiss joħroġ il-filmati ta’ propaganda fuq l-aktar livell professjonali minbarra li qed jiċċirkola ġurnal bl-Ingliż bħala parti mill-kampanja ta’ pubbliċita li sservi wkoll għar-reklutaġġ ta’ ġiħadisti. Fl-istess ħin, l-ISIS qed jużaw it-Twitter filwaqt li jikkollegaw mat-‘trending events’ fuq l-Internet biex jiċċirkolaw il-messaġġ qattiel lil ‘udjenza akbar’.

 
Għaldaqstant, l-ISIS hu armat għal gwerra konvenzjonali minbarra li għandu s-snin ta’ esperjenza fejn jidħlu l-kumbattimenti. Dan wara li ħafna ġellieda tiegħu kienu involuti ‘fit-Teatru tal-Gwerra’ tal-Iraq u s-Sirja kif ukoll iċ-Ċeċenja.

Intant, l-armamenti għad-dispożizzjoni tat-terroristi u l-fatt li l-ebda Armata barranija m’hi daqshekk ‘ħerqana’ biex tikkonfronta l-ISIS jistgħu jfissru li l-Kalifat tal-ġiħadisti jista’ jdum iż-żmien bħala ‘realta’ fil-qalba tal-Lvant Nofsani.