Internazzjonali

Bastimenti Taljani jbaħħru lejn il-kosta Libjana

L-Italja bdiet tistazzjonja diversi bastimenti tal-gwerra barra l-kosta Libjana biex tilqa’ għal kull theddida li jista’ jkun hemm mil-Libja.

Minn La Spezia baħħar fost l-oħrajn il-bastiment tal-gwerra San Giorgio, bastiment li jintuża mit-truppi speċjali tar-reġiment ta’ San Marco li huma mħarrġa apposta għall-isbark mill-baħar. Skont il-Gvern Taljan, dawn baħħru għal taħriġ imma sorsi qed jgħidu li dawn intbagħtu biex l-Italja tkun lesta għal kull eventwalita’.

Il-midja Taljana qalet ukoll li fil-port ta’ La Spezia hemm ħafna ċaqliq f’dawn il-ġranet fuq l-aircraft carrier Taljana ‘Cavour’.

Dan wara li fi tmiem il-ġimgħa, l-kap tal-Pulizija Taljana, anki s-servizzi sigrieti Taljani wissew lill-Parlament Taljan li l-Italja tinsab, bħal qatt qabel, fil-mira tat-terroriżmu.

Sadattant hemm misteru dwar l-ajruplan militari li ġġarraf qrib il-fruntiera mat-Tuneżija, bil-Gvern f’Tripli u dak f’Tobruk jgħidu li dan mhux tiegħu.