Futbol Sport

BOV Premier: It-tielet rebħa konsekuttiva għal Birkirkara

Minn Stewart Said

MOSTA………….0
BIRKIRKARA…3

Mosta: O. Borg, I. Zammit, R. Ekani, M. Brincat, M. Dawood, A. Darbo (U. Fortune 46’), D. Falzon, K. Pulo (O. Koli 55’), G. Roberts, K. Magro (J. Brincat 84’), T. Farrugia

Birkirkara: J. Haber, E. Herrera, N. Vukanac, S. Haruna Shodiya (K. Zammit 86’), R. Ledesma (E. Agius 70’), P. Fenech, Z. Muscat, R. Muscat, R. Camenzuli (N. Macchi 79’), J. Zerafa, M. Mazzetti

Skorjaw: R. Camenzuli 17’, R. Ledesma 29’, S. Haruna Shodiya 83’ (B)
Referee: Mario Apap
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Ryan Camenzuli (Birkirkara)

Birkirkara kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva meta meritatament għelbu lil Mosta 3-0. B’dan it-tnax ir-riżultat pożittiv, it-tim ta’ Paul Zammit reġa’ jinsab tmien punti taħt il-liders Hibernians.

Birkirkara ftit tħabtu biex għelbu l-isfida tal-Mostin hekk kif iddominaw il-logħba b’Mosta ma jwettqux reazzjoni għall-gowls Karkariżi.

Wara d-draw kontra Balzan, il-kowċ Mosti Peter Smith għamel bidla waħda b’Aliev Darbo jibda minflok is-sospiż Ryan Grech. Kurt Magro lagħab quddiem id-difiża b’sistema ta’ 4-1-4-1.

Min-naħa l-oħra Paul Zammit għamel żewġ bidliet mir-rebħa kontra Naxxar meta Rafael Ledesma irritorna u beda flok Maachi filwaqt li Joseph Zerafa beda fid-difiża u ħa post Edmond Agius.

Birkirkara bdew tajjeb jiddettaw il-logħob kmieni fil-partita u ħolqu l-ewwel azzjoni perikoluża fit-13-il minuta meta minn kross ta’ Edward Herrera, id-daqqa ta’ ras ta’ Ledesma għaddiet ftit għoli. Birkirkara fetħu l-iskor meta Herrera xeħet kross fil-baxx lejn RYAN CAMENZULI li mill-viċin ma sabx problema jkompli fix-xibka.

Il-Karkariżi rduppjaw fid-29 minuta meta minn kross ta’ Paul Fenech, Ryan Camenzuli b’daqqa ta’ ras laqat il-wieqfa, il-ballun spiċċa għand RAFAEL LEDESMA li wara li l-ewwel xutt ġie salvat parzjalment minn Borg, għeleb lill-gowlkiper Mosti.

Mosta baqgħu ma wettqx reazzjoni u Birkirkara marru viċin fl-40 minuta meta xutt b’saħħtu ta’ Ryan Camenzuli ġie salvat parzjalment minn Borg u mir-rebound l-istess Camenzuli kkonkluda ftit barra.

Fit-48 minuta Paul Fenech xeħet Edward Herrera li pprova jqabbeż fuq Borg iżda ballun għadda għoli. Għaxar minuti wara Shola Haruna Shodiya għadda lil Ryan Camenzuli b’Borg isalva tajjeb u mir-rebound Edward Herrera spara għoli.

Il-partita żvolġiet f’nofs il-grawnd, bil-Karkariżi jamministraw il-logħba mingħajr diffikultà. Il-Mostin appellaw għal penalty fit-80 minuta meta xutt ta’ Dyson Falzon allegatament ħabat ma’ id Rowen Muscat iżda r-referee Apap ħalla l-logħob għaddej.

Birkirkara skorjaw it-tielet gowl fit-83 minuta meta Maachi, qassam lejn Edmond Agius li għadda bit-takkuna lejn SHOLA HARUNA SHODIYA li f’lasta vojta ma żbaljax. Żewġ minuti wara s-sostitut Kurt Zammit għal ftit ma niżżilx ismu fost l-iskorers wara li seraq ballun mingħand Brincat, iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet għoli.