Minn Stewart Said
QORMI………1
VALLETTA…3
Qormi: M. Farrugia, A. Mendoza, M. Lima de Mattos, A. Effiong, C. Gauci, G. Villalobos, Z. Levnaic, D. Pisani (D. Pisani 46’), J. Bondin (J. Chetcuti 85’), B. Berntsson (A. Nilsson 46’), L. Grech
Valletta: P. Marino, R. Camilleri, S. Borg, J. Caruana, I. Azzopardi, R. Briffa, R. Fenech, S. Bajada (H. Alkamali 90’), L. Cremona, H. Barry (D. Leeflang 89’), A. Nafti (I. Hilary 68’)
Skorjaw: R. Briffa 9’, 45’, S. Borg 24’ (V), A. Effiong 66’ (Q)
Imwissija: B. Berntsson 44’, A. Nilsson 59’, C. Gauci 85’ (Q), P. Marino 83’ (V)
Tkeċċa: S. Borg 39’ (V)
Referee: Clayton Pisani
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Ian Azzopardi (Valletta)
Attendenza: 1038
Valletta rritornaw għar-rebħa meta għelbu lil Qormi 3-1. Il-logħba kienet b’żewġ uċuħ b’Valletta jiddominaw il-logħob fl-ewwel taqsima u Qormi b’raġel aktar ippruvaw li setgħu, bil-Beltin jiddefendu t-tieni taqsima kollha. Il-wirja ta’ Qormi speċjalment fit-tieni taqsima kienet pożittiva iżda naqsu milli jiskorjaw it-tieni gowl li kien idaħħalhom fil-partita.
B’hekk baqgħu f’qiegħ il-klassifika filwaqt li Valletta żammew tliet punti taħt Birkirkara.
Il-kowċ Belti għamel żewġ bidliet mit-telfa kontra Żebbuġ meta rritorna Roderick Briffa flok Luke Dimech, b’Jonathan Caruana jilgħab fid-difiża, filwaqt li Llywelyn Cremona beda flok l-imweġġa’ Lateef Elford Alliyu, b’Nafti jibda bħala l-aktar plejer avvanzat.
Żewġ bidliet ukoll għall-kowċ ta’ Qormi Mark Miller, b’Villalobos u Leighton Grech jieħdu post Joseph Chetcuti u Steve Agius rispettivament.
Valletta fetħu l-iskor fid-9 minuta meta RODERICK BRIFFA għeleb lil Matthew Farrugia b’xutt dajagonali fil-baxx. Sitt minuti wara Nafti għadda fuq il-lemin u krossja lejn Hamza Barry, iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu ġiet salvata faċilment.
Il-Beltin irduppjaw fl-24 minuta meta minn korner fuq l-ewwel lasta ta’ Shaun Bajada, kien STEVE BORG li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Matthew Farrugia. Qormi sabuha diffiċli jirrispondu u kellhom biss azzjoni personali fit-30 minuta ta’ Effiong li dar ma’ Caruana, avvanza, iżda x-xutt tal-attakant kien fjakk.
Il-Qriema kellhom l-okkażjoni li jidħlu fil-partita fit-38 minuta meta r-referee Clayton Pisani ġġudika li Steve Borg waqqa’ lil Alfred Effiong fil-kaxxa. Ir-referee ordna penalty u keċċa lil Borg. Iżda mill-11-il metru Pietro Marino salva x-xutt ta’ Marcelo Lima de Mattos.
Minkejja li kellhom ikomplu l-partita b’raġel anqas, Valletta skorjaw it-tielet gowl meta Fenech tefa’ fin-nofs, id-difiża ta’ Qormi naqset li tbiegħed il-periklu u RODERICK BRIFFA li mattar siequ biex b’xutt fil-baxx għadda l-ballun minn taħt saqajn Farrugia.
Mark Miller daħħal lil Ryan Micallef u Alex Nilsson fil-mistrieħ bil-għan li jkun aktar offensiv u fis-57 minuta kien bravu Marino li għalaq fil-ħin il-konklużjoni ta’ Effiong. Seba’ minuti wara xutt ta’ Nilsson ġie salvat f’darbtejn minn Marino.
Qormi ngħataw it-tieni penalty fil-65 minuta meta Roderick Briffa waqqa’ lil Effiong fil-kaxxa u r-referee Pisani saffar penalty. Din id-darba inkariga ruħu ALFRED EFFIONG li skorja b’xutt tajjeb. Tliet minuti wara Qormi viċin it-tieni gowl meta Nilsson qassam lura lil Ryan Micallef iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet għoli.
Valletta fl-unika azzjoni tat-tieni taqsima setgħu għalqu definitivament il-logħba fit-88 minuta meta Barry avvanza u qassam lejn Shaun Bajada iżda l-Għawdxi spara għoli.
//= $special ?>