Fl-isfond tar-Rapport Uffiċjali tal-Awditur Ġenerali pubblikat din il-ġimgħa dwar l-involviment dirett tal-Prim Ministru Joseph Muscat fl-akkwist mill-Gvern tas-sit fejn hemm il-Cafè Premier fil-Belt Valletta, kollox jipponta lejn ftehim li ntlaħaq fil-kampanja elettorali tal-2013 mas-sidien li kienu jmexxu dan in-negozju. Joseph Muscat daħal dirett fin-negozjati u tħallsu €4.2 miljun lill-kumpanija li kienet tmexxi l-Cafè Premier.
Minn stħarriġ li għamlet il-gazzetta ‘il-mument’, fl-isfond tar-Rapport Uffiċjali tal-Awditur Ġenerali pubblikat aktar kmieni din il-ġimgħa, dwar l-involviment dirett tal-Prim Ministru Joseph Muscat fl-akkwist mill-Gvern tas-sit fejn hemm Cafè Premier fil-Belt Valletta, kollox jindika li l-ftehim mas-sidien tal-kumpanija li kienet tmexxi dan in-negozju sar fil-kampanja elettorali bi tħejjijiet għall-elezzjoni ġenerali tal-2013.
Dan minkejja dak li qal aktar kmieni din il-ġimgħa l-Prim Ministru Joseph Muscat li filwaqt li ammetta li ltaqa’ ma’ Mario Camilleri qabel l-elezzjoni, hu qal li dan is-suġġett ma kienx diskuss! Tant koinċidenzi u l-mod kif seħħew il-fatti immedjatament qabel u wara l-elezzjoni ġenerali jindikaw xorta oħra. Fi ftit kliem ħadd ma jemmen lill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar dak li qed jipprova jgħid biex ibenġel dak li ġara.
Laqgħat, elezzjoni, rebħa Laburista u l-għeluq tal-Cafè Premier
Jidher ċar li fil-kampanja elettorali Joseph Muscat, personalment jew permezz ta’ terzi persuni fil-Partit Laburista jew inkella viċin ħafna tiegħu, jidher li ta l-kelma lil Mario Camilleri, wieħed mid-Diretturi fil-kumpanija li kienet tmexxi Cafè Premier, li kemm-il darba l-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni, allura l-Gvern kien se jixtri mingħandhom is-sit ta’ dan il-kafè fil-Belt Valletta għal somma qawwija li permezz tagħha setgħu jitħallsu wkoll id-djun tal-kumpanija, il-VAT kollu dovut flimkien mal-bolol pendenti, jitħallsu pendenzi mal-Banif Bank u jkunu biżżejjed ukoll biex isiru wkoll ħlasijiet oħrajn lil kumpaniji terzi, bħalma hi waħda li magħha kien hemm pendenti kont konsiderevoli wara li kienet tfornih bil-ħobż.
Il-kliem u l-wegħda ta’ Joseph Muscat ittieħdet bis-serjetà – sakemm m’hemmx ukoll xi dokument iffirmat f’dan is-sens – sal-punt li l-kumpanija li kienet tmexxi Cafè Premier, lejliet li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013, għalaq kull attività kummerċjali minn dan is-sit.
Fi ftit ġimgħat biss wara dawn l-iżviluppi, inbdew negozjati diretti bejn il-Gvern u s-sidien ta’ Cafè Premier biex dan is-sit jgħaddi f’idejn il-Gvern… kif probabbilment imwiegħed lilhom fil-kampanja elettorali.
‘il-mument’ qed tirrapporta li jista’ jgħid li dan kollu juri bl-aktar mod ċar kif allura l-Prim Ministru Joseph Muscat kien involut direttament f’dan l-akkwist ta’ dan is-sit, iżda aktar minn hekk l-involviment direttament jew indirettament imur għal qabel l-Elezzjoni Ġenerali kif ġara f’każi oħrajn ma’ setturi oħra.
Kundanna mill-Awditur Ġenerali
Fir-Rapport Uffiċjali mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-Awditur Ġenerali juri bl-aktar mod ċar il-kundanna qawwija tiegħu għall-mod kif sar l-akkwist ta’ Café Premier mill-Gvern preżenti mmexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat.
L-Awditur Ġenerali, filwaqt li jsostni li għalkemm l-ammont imħallas mill-Gvern kien jirrifletti l-valur tas-suq, dan mhux neċessarjament li ssarraf f’valur għall-flus. Hu jikkritika wkoll il-fatt li ma ġewx meqjusa l-possibbiltajiet oħrajn u jgħid li l-irtirar tal-azzjoni legali li kien beda l-Gvern ma ngħatatx ġustifikazzjoni ċara għaliha, bil-konsegwenza li nħoloq nuqqas ta’ trasparenza.
Illum ħafna xhur wara li l-Gvern kiseb dan is-sit, kulmin ikun għaddej minn Pjazza Reġina fil-Belt Valletta jista’ josserva tajjeb ħafna kif dan is-sit għandu miżmum magħluq u abbandunat meta l-iskop li l-Gvern jakkwista dan is-sit kien proprju għal skop ta’ riġenerazzjoni tal-istess inħawi fil-Belt Valletta.
Madankollu l-fatt li dan is-sit jinsab f’din il-kundizzjoni juri b’mod ċar li l-interess tal-Gvern mhux veru kien li jkun hemm użu aħjar ta’ dan il-post.
Meta wieħed jifli sew dan ir-Rapport Uffiċjali jifhem ukoll kif l-Awditur Ġenerali kkritika wkoll bħala ‘nuqqas sinjifikanti’ li ma kienx hemm dokumentazzjoni li ssostni l-objettivi li elenka l-Gvern biex suppost jiġġustifika l-akkwist tal-proprjetà, u anke l-ħlas ta’ ħamsa fil-mija f’kummissjonijiet jew senserija fuq il-valur totali tat-transazzjoni li kien ta’ €4.2 miljun.
Dawn l-osservazzjonijiet iebsa tal-Awditur Ġenerali misluta mir-Rapport bil-konklużjonijiet tal-investigazzjoni mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fuq il-mod kif sar l-akkwist mill-Gvern Laburista tal-Café Premier, jinsabu fuq il-Medja tal-Kamra. Il-konklużjonijiet ġew sottomessi lill-Ispeaker Anġlu Farrugia mill-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali aktar kmieni din il-ġimgħa.
L-Awditur Ġenerali jikkritika wkoll it-tmexxija dgħajfa tal-Gvern, in-nuqqas ta’ trasparenza u good governance, u jgħid li tħallsu kummissjonijiet minn flus il-poplu li qatt ma kellhom jingħataw.
L-NAO ikkonkluda li għandu riservi dwar il-mod kif sar dan l-akkwist u sostna li għalkemm l-ammont imħallas mill-Gvern kien jirrifletti l-valur tas-suq, dan mhux neċessarjament sarraf f’valur għall-flus.
Ir-Rapport Uffiċjali jżid li n-nuqqas ta’ konsiderazzjoni u dokumentazzjoni ta’ possibbiltajiet oħra li setgħu ġew meqjusa jillimitawh milli jgħid jekk l-iskop tal-valur għall-flus intlaħaqx. Alternattiva li setgħet ġiet ikkunsidrata kienet azzjoni legali, li l-Gvern kien beda, iżda li ma kompliex.
Dan, jgħid ir-Rapport Uffiċjali tal-Awditur Ġenerali, wassal għall-irtirar tal-azzjoni legali, liema deċiżjoni ma ngħatatx ġustifikazzjoni ċara għaliha u li ma kinitx dokumentata. Dan l-aġir naqqas mil-livell ta’ trasparenza mistenni f’deċiżjonijiet bħal dawn, speċjalment meta wieħed jikkonsidra li l-kerrej, Cities Entertainment Ltd, kien kiser waħda mill-kundizzjonijiet tal-ftehim tal-kera.
Hawn, il-kumpanija naqset milli tħallas l-arretrati dovuti u qabżet il-limitu stipulat tat-tliet snin kera meta kienu għadhom kif bdew in-negozjati mal-Gvern. Fattur ewlieni li wassal għal din is-sitwazzjoni kien in-nuqqas min-naħa tal-Gvern li jinvolvi lid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern mill-bidu tan-negozjati.
L-Awditur Ġenerali spjega li l-ġustifikazzjoni tal-Gvern għall-akkwist tal-Café Premier kienet tiffoka fuq erba’ objettivi prinċipali – it-tneħħija ta’ periklu għall-Biblijoteka Nazzjonali, l-aċċessibbilità aħjar għaliha, li tissolva l-problema ta’ arretrati dovuti minn Cities Entertainment, u t-tfassil mill-ġdid tal-ispazju tal-fond. L-NAO qal li jikkunsidra l-fatt li ma kienx hemm dokumentazzjoni li ssostni dawn l-objettivi bħala nuqqas sinjifikanti.
Fl-aħħar l-NAO qal ukoll li l-pagament ta’ €210,000 lil M&A Investments Ltd kien pagament lil intermedjarju, jiġifieri senserija jew ħlas ta’ kummissjoni, ekwivalenti għal ħamsa fil-mija tal-valur tat-trasferiment ta’ €4.2 miljun.
Dan hu evidenti f’dokumenti verifikati mill-NAO, fejn wieħed jirreferi għal dan il-ħlas bħala ‘intermediary costs’, filwaqt li l-ieħor bħala ‘commission on sale’. Minkejja l-fatt li l-Gvern xorta waħda kien se jħallas €4.2 miljun, irrispettivament mill-arranġament ma’ M&A Investments Ltd, l-Awditur Ġenerali hu tal-fehma li dan il-pagament ta’ €210,000 ma kellux jifforma parti mill-ftehim mal-Gvern.
Ir-relazzjoni bejn CE u M&A Investments Ltd kienet kwistjoni privata, u l-Gvern ma kellu l-ebda rabta ma’ din l-aħħar kumpanija.
Allura, fil-fehma tal-Awditur, il-ħlas ta’ €210,000, li ma kien sostanzjat b’ebda mod, ma kienx f’postu f’dan il-ftehim.
Investigazzjoni li kienet intalbet mill-Oppożizzjoni
Din l-investigazzjoni kienet intalbet fid-19 ta’ Awwissu 2014 mill-membri tal-Oppożizzjoni fuq il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – li dak iż-żmien kien Jason Azzopardi.
Huma kienu talbu lill-NAO biex jinvestiga l-allegazzjonijiet li l-Gvern kien ħallas €4.2 miljun biex jakkwista lura l-fond magħruf bħala Café Premier. Il-Gvern kien ċeda dan il-fond lill-kumpanija Cities Entertainment Ltd (CE) fl-1998.
X’ġara wara l-elezzjoni
Dan il-proċess ta’ akkwist beda kmieni f’April 2013, meta Direttur ta’ Cities Entertainment Ltd kiteb lill-Prim Ministru. Mario Camilleri stenna biss ftit jiem biex bagħat l-ittra lil Joseph Muscat wara r-rebħa elettorali Laburista.
In-negozjati bejn il-kumpanija u l-Gvern ġew konklużi f’Awwissu 2013, u l-approvazzjoni meħtieġa tal-Kabinett ingħatat f’Settembru 2013. Sussegwentement, il-kuntratt bejn il-partijiet ġie ffirmat fid-29 ta’ Jannar 2014, fejn il-Gvern akkwista lura l-utile dominium taċ-ċens temporanju tal-fond għas-somma ta’ €4,200,000.
L-Oppożizzjoni titlob għar-riżenja tal-Prim Ministru
Dwar dan l-iskandlu il-mument talab ukoll il-kummenti tal-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami li tenna l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni li qed titlob ir-riżenja tal-Prim Ministru hekk kif iddikjarat li hu skandaluż il-gideb li ntqal fuq l-involviment tiegħu f’dan il-każ. Beppe Fenech Adami żied kif jidher ċar ħafna minn korrispondenza elettronika li kienet żvelata fir-Rapport Uffiċjali tal-Awditur Ġenerali li l-Prim Ministru Joseph Muscat hu involut direttament fl-iskandlu li fih kumpanija privata ngħatat €4.2 miljun mill-Gvern biex tirritorna proprjetà fil-Belt li fuqha kien hemm djun kbar.
Hu qal li f’dan il-każ il-Prim Ministru ddeċieda li jħallas €4.2 miljun lil kumpanija privata minn flus il-poplu u żied li mkien fid-dinja ma jkun hemm Prim Ministru li jiddeċiedi li jħallas id-djun ta’ kumpanija privata kif għamel Joseph Muscat.
Beppe Fenech Adami qal li l-Prim Ministru ħa l-briga u mar lil hinn minn dak li suppost wettaq f’dan il-każ u staqsa x’kienu r-raġunijiet li proprju l-għada tal-Elezzjoni Ġenerali l-Premier waqqaf l-attività kummerċjali mill-ħanut. Suspettuż ukoll hu l-mod kif ftit wara l-Elezzjoni Ġenerali ntalbet laqgħa mal-Prim Ministru.
Hu temm jgħidilna li f’dan il-każ il-Prim Ministru għandu ħafna xi jwieġeb, fosthom dwar x’ġiegħlu jidħol f’negozjati ma’ kumpanija privata biex jissolva d-dejn tal-istess kumpanija.
Jason Azzopardi x-Shadow Minister tad-Drittijiet taċ-Ċittadini, il-Ġustizzja u d-Demokrazija u ta’ Ryan Callus li hu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Artijiet, l-Ippjanar u l-Infrastruttura fisser li r-Rapport Uffiċjali tal-Awditur Ġenerali jikkundanna t-tmexxija bla skrupli tal-Prim Ministru preżenti u qal li minn dan ir-Rapport joħroġ ċar ħafna l-indħil b’mod personali ta’ Joseph Muscat sa mill-bidu ta’ April 2013, fosthom il-laqgħat li kellu ma’ Mario Camilleri – wieħed mid-Diretturi ta’ Cities Entertainment – u d-direttivi li ta Joseph Muscat biex isiru n-negozjati.
Hu żied li inizjalment il-Prim Ministru kien awtorizza offerta ta’ €2.5 miljun li tista’ titla’ għal €4 miljun. Aktar tard l-offerta saret €3.97 miljun iżda din telgħet għal €4.2 miljun minħabba l-kummissjoni involuta u li kien insista fuqha Mario Camilleri. “Dan hu aġir skandaluż.”
Ryan Callus, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Artijiet semma li l-fatt li ntbagħtet talba mis-sidien fl-ewwel ftit ġimgħat wara l-elezzjoni ġenerali, u li l-kafetterija ngħalqet l-għada tal-elezzjoni ġenerali, tagħti x’wieħed jifhem li kien hemm ftehim lest qabel l-elezzjoni. “Dan kollu huwa tberbiq ta’ flus il-poplu u għaldaqstant, il-Prim Ministru jeħtieġ jgħid il-verità dwar x’intqal fil-kuntatti kellu mas-sidien qabel l-elezzjoni ġenerali.”
Callus irrefera għall-kundanna tal-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu u qal li din kienet ċara – “dan il-każ huwa eżempju ta’ gvernar ħażin u nuqqas ta’ trasparenza.” Hu żied li l-poplu Malti ġie mwiegħed qabel l-elezzjoni ġenerali, gvernar għaqli u trasparenza. Bil-kaz ta’ Café Premier, il-poplu ġie tradut.
Konklużjonijiet mir-rapport tal-Awditur Ġenerali
-Għalkemm l-ammont imħallas mill-Gvern jirrifletti l-valur tas-suq, dan mhux neċessarjament li ssarraf f’valur għall-flus;
-Ma tqisux possibbiltajiet oħrajn fosthom li setgħet ġiet ikkunsidrata azzjoni legali, liema azzjoni l-Gvern kien beda, iżda li ma kompliex u ma ngħatatx ġustifikazzjoni ċara għaliha, bil-konsegwenza li nħoloq nuqqas ta’ trasparenza;
-‘Nuqqas sinjifikanti’ li ma kienx hemm dokumentazzjoni li ssostni l-objettivi li elenka l-Gvern biex suppost jiġġustifika l-akkwist tal-proprjetà, u anke l-ħlas ta’ 5% f’kummissjonijiet jew senserija fuq il-valur totali tat-transazzjoni li kien ta’ €4.2 miljun;
-Tmexxija dgħajfa tal-Gvern, nuqqas ta’ trasparenza u good governance, meta tħallsu kummissjonijiet minn flus il-poplu li qatt ma kellhom jingħataw;
-L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali għandu riservi dwar il-mod kif sar l-akkwist tal-Cafè Premier;
-Nuqqas ta’ konsiderazzjoni u dokumentazzjoni ta’ possibbiltajiet oħra li setgħu ġew meqjusa li illimitaw lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali milli jgħid jekk l-iskop tal-valur għall-flus intlaħaq;
-L-aġir naqqas mil-livell ta’ trasparenza mistenni f’deċiżjonijiet bħal dawn, speċjalment meta wieħed jikkonsidra li l-kerrej, Cities Entertainment Ltd, kien kiser waħda mill-kundizzjonijiet tal-ftehim tal-kera;
-Ma kienx hemm dokumentazzjoni li ssostni l-objettivi tal-Gvern għall-akkwist tal-Café Premier u dan ġie deskritt nuqqas sinjifikanti;
-Il-pagament ta’ €210,000 lil M&A Investments Ltd kien pagament lil intermedjarju, jiġifieri senserija jew ħlas ta’ kummissjoni, ekwivalenti għal ħamsa fil-mija tal-valur tat-trasferiment ta’ €4.2 miljun, u għall-Awditur Ġenerali l-pagament ta’ €210,000 ma kellux jifforma parti mill-ftehim mal-Gvern;
-Ir-relazzjoni bejn CE u M&A Investments Ltd kienet kwistjoni privata, u l-Gvern ma kellu l-ebda rabta ma’ din l-aħħar kumpanija.
//= $special ?>