Lokali

Il-forzi tal-ordni minn Tripli l-uniċi li jistgħu jrażżnu l-baħar ta’ immigranti lejn l-Ewropa

Filwaqt li l-Gvern Libjan stabbilit f’Tobruk qiegħed ikompli jfittex l-appoġġ, mhux biss intern, imma anki fost il-komunità internazzjonali biex jistabbilixxi aħjar il-forza politika u ekonomika tiegħu, il-Gvern Libjan stabbilit fi Tripli wkoll qed jagħmel l-isforzi tiegħu biex jattira aktar attenzjoni lejh, u dan kemm internament kif ukoll minn fost il-pajjiżi lil hinn minnu, kemm fil-Mediterran kif ukoll fil-Magreb.

Is-sitwazzjoni fil-Libja tibqa’ instabbli u konfuża, iżda jidher li hemm kuntatti bejn xi partijiet biex tal-inqas kemm jista’ jkun tirrenja l-paċi u l-kaos ikun mill-inqas. Dan kollu fl-isfond ta’ sitwazzjoni fejn iżda jidher li hemm min hu interessat li fil-Libja jkun hemm ammont ta’ diżordni u inkwiet.

Sorsi li jsegwu mill-qrib dak li qiegħed jiġri fil-Libja tul din il-ġimgħa tkellmu ma’ il-mument u spjegaw li filwaqt li fil-perimetru ta’ bejn Zuwhara u Sirte hemm preżenza, xi drabi qawwija, ta’ segwaċi tal-Istat Iżlamiku, madankollu dak li fil-verità qiegħed jiġri hu li elementi li baqgħu favur ir-reġim tal-eksdittatur Muhammar Gaddafi qed japprofittaw mis-sitwazzjoni fraġli li jinsab fiha l-pajjiż, qed jingħaqdu ma’ estremisti u ma’ elementi oħrajn f’dawk li b’mod kollettiv qed jissejħu membri tal-Istat Iżlamiku u ħafna mill-inkwiet u l-atti terroristiċi qed ikollhom il-moħħ tagħhom.

Il-forzi tal-ordni tal-Gvern ta’ Tripli qed ikollhom jintervjenu mhux biss biex iżommu distakkati minn Tripli lil dawn l-estremisti u terroristi li qed jaqilgħu l-problemi, imma anki biex is-sitwazzjoni fil-belt kapitali ma tiżviluppax f’kaos.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu fil-jiem li għaddew inħawi sħaħ kienu bbumbardjati mill-militar Eġizzjan. Hemm min qiegħed jinterpreta dawn l-interventi militari mill-ajru bħala aktar milli tpattija lill-Istat Iżlamiku dwar dak li ġara qabel fir-rigward tal-ħtif u l-qtil ta’ numru ta’ Eġizzjani Kopti Nsara, bħala attakk biex jiddgħajfu s-saħħa u l-istrateġija tal-Gvern ta’ Tripli.

Madankollu tibqa’ ta’ wġigħ ta’ ras qawwi l-ħarba ta’ eluf kbar ta’ Afrikani li qed jippruvaw jisfruttaw dak li għaddejja minnu l-Libja biex jaħarbu lejn l-Ewropa. Kemm-il darba s-sitwazzjoni tibqa’ taggrava, allura wieħed ma jeħodhiex bi kbira li ma’ dawn jingħaqdu wkoll ħafna Libjani li jippruvaw isibu futur aħjar għalihom u għall-familji tagħhom.

F’dan ix-xenarju jidher li l-Gvern ta’ Tripli qiegħed ikompli jaħdem biex jistabbilixxi aktar kuntatti fl-Ewropa u jirriżulta li numru ta’ pajjiżi llum qed jagħrfu l-ħtieġa li ma jibqgħux daqstant riġidi fir-rigward ta’ dan il-Gvern għalkemm jibqgħu jagħrfu lill-Gvern ta’ Tobruk kif għadhom jagħmlu n-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Ewropea.

Fl-isfond ta’ dan kollu jibqgħu segwiti mill-qrib ħafna l-kummenti u r-reazzjonijiet tal-Gvern Malti li jirriżulta li għadu riġidu milli jagħmel xi forma ta’ kuntatt mal-Gvern ta’ Tripli. Anki f’Malta stess il-Gvern Malti mhux ikollu kuntatt mal-Ambaxxata Libjana f’Ħal Balzan li min-naħa tagħha tibqa’ toħroġ idha għal diskussjonijiet biex ftit ftit jibda jinbena pont bejnha u bejn l-ogħla awtoritajiet Maltin.

Sadattant fil-baċin tal-Mediterran tibqa’ kbira l-attenzjoni għal dak kollu li qiegħed jiġri. Il-Gvern Taljan jidher li invista tat-theddida tal-Istat Iżlamiku qiegħed jinvesti fi preżenza qawwija ta’ militar u dan biex iħares il-kosta Taljana minn kull eventwali possibbiltà ta’ xi azzjoni.

Il-Gvern Malti jaqbel li m’hemmx lok għall-allarm, iżda anki f’Malta hi l-istabbiltà l-attenzjoni tal-ogħla awtoritajiet dwar dak kollu li qed jiġri ftit kilometri lil hinn minn Malta.