Lokali

Il-GWU u l-ksur sfaċċat ta’ kuntratt mal-gvern

L-Uffiċċju tal-Arms fil-Workers' Memorial Building

Fl-istrutturi tas-Servizz Pubbliku hemm min hu mħallas mill-pubbliku biex jara li l-ksur sfaċċat ta’ kundizzjoni ta’ kuntratt pubbliku ma jseħħx u jekk għal xi raġuni jew oħra dan iseħħ, jittieħdu l-passi u l-miżuri meħtieġa biex abbuż bħal dan jieqaf minnufih.

Dan japplika għal dak li ġara numru sew ta’ xhur ilu meta l-General Workers’ Union ġiet taqa’ u tqum minn dak li jgħid kuntratt pubbliku li kien sar fit-12 ta’ Diċembru tal-1997 bejnha u bejn il-Gvern quddiem in-Nutar V. Miceli u kriet parti mill-bini tagħha lill-ARMS Limited.

L-art li fuqha l-General Workers’ Union kienet bniet il-Workers’ Memorial Building – fi Triq Nofsinhar kantuniera ma’ Triq l-Ifran fil-Belt Valletta – kienet tal-Gvern u fil-kuntratt oriġinali bejn il-General Workers’ Union u l-Gvern kien hemm speċifikament li “the building to be erected on this site shall not either wholly or in part be transferred, assigned or let to third parties for commercial purposes.”

Dan ifisser li skont dak l-ewwel kuntratt tal-1957, il-General Workers’ Union ma setgħetx tikri, tittrasferixxi jew b’xi mod tgħaddi l-bini jew parti minnu lil ħaddieħor għal skopijiet kummerċjali.

F’Ottubru tal-1997 Gvern Laburista ieħor, dakinhar immexxi minn Alfred Sant, kien ressaq fil-Parlament riżoluzzjoni biex il-General Workers’ Union tkun tista’ tikri jew tittrasferixxi partijiet mill-Workers’ Memorial Building lil kwalunkwe kumpanija li fiha l-General Workers’ Union għandha ’l fuq minn 51 fil-mija tal-ishma.

Il-paragrafu fil-kuntratt rilevanti bejn il-General Workers’ Union u d-Dipartiment tal-Artijiet hu dan:

Government authorises the emphyteuta to transfer, assign or let for commercial purposes to any company in which the General Workers’ Union has over fifty one percent (51%) of the shareholding of such percentage shareholding.”

ARMS Limited hi magħmula mill-Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biss u l-General Workers’ Union m’għandha l-ebda sehem fiha. Hu ċar li l-kirja li l-General Workers’ Union għamlet lill-ARMS Limited għal €60,000 fis-sena hi skandlu pubbliku, kif iddeskrivieh Simon Busuttil, il-Kap tal-Oppożizzjoni, dan l-aħħar.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, filwaqt li qal li ma jistax jifhem kif il-General Workers’ Union issa qed tattakka anki lill-Oppożizzjoni li żvelat dan l-iskandlu, kompla li “l-poplu qed iħallas il-flus tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma lill-ARMS, biex minflok dawn il-flus qed jispiċċaw għand il-General Workers’ Union. Lill-General Workers’ Union qed tħallasha €300,000 fuq medda ta’ ħames snin.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fisser din il-kwistjoni bħala skandlu u sfida lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jgħid meta se jwaqqaf dan l-abbuż min-naħa tal-General Workers’ Union, bil-kompliċità tal-Prim Ministru stess.

Dan l-iskandlu jikber fil-gravità tiegħu meta wieħed jiftakar li d-Dipartiment tal-Artijiet, li jaqa’ taħt il-Prim Ministru, approva dan il-ksur sfaċċat ta’ kuntratt tal-Gvern.

Fil-jiem li għaddew l-Oppożizzjoni, permezz tax-Shadow Minister Jason Azzopardi u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus, diġà bagħtet ittra lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament, biex dan jinvestiga l-allegat każ ta’ ksur ta’ kuntratt pubbliku bejn il-Gvern u l-General Workers’ Union.

Minbarra dan il-bini, il-GWU qed iddaħħal ukoll madwar €1 miljun fis-sena għal kirja ta’ bini lil Transport Malta fil-Marsa. Dan filwaqt li l-istess General Workers’ Union tefgħet l-offerti tagħha biex tkun tista’ tiżviluppa l-Yacht Marina ta’ Sa Maison.