Ambjent Lokali

Il-Kampanja SHout tappella għal dibattitu demokratiku

Waqt konferenza stampa tal-kampanja SHout (Spring Hunting Out) f’Buġibba kelliem għal kampanja illum ħeġġeġ lill-kampanja tal-Iva biex jibdew jattendu għal dibattiti u mhux biex jibdew gwerra. Il-kelliem għall-kampanja SHout, Mark Sultana indirizza l-istampa b’reazzjoni għall-kliem ta’ Joe Perici Calascione fil-launch tal-kampanja ‘Iva’ ilbieraħ filgħodu.

Mark Sultana qal li n-nies ta’ Malta għandhom l-opportunita’ li jieħdu deċizjoni importanti dwar kwistjoni nazzjonali. Fil-proċess demokratiku hemm bżonn ta’ dibattiti maturi u serja, fuq il-fatti u mhux il-gideb saħaq Sultana.

Mark Sultana qal “Aħna mhux gwerra irridu, iżda dibattitu serju mal-kaċċaturi u mhux ma persuni bil-maskri. Irridu dibattitu dwar fatti. Dan il-weekend assistejtu għall-ikbar logħba ta’ ipokrezija. Għal marketing exercise li jipprova juri li l-kaċċa f’Malta hija xi ħaġa umana. Ir-referendum jintrebaħ bil-fatti mhux bil-gimmicks.” Hu fakkar ukoll dwar il-vjolenza, l-attaki fuq in-nies, it-tgħajjir u it-theddid tal-kaċċaturi stess fil-konfront ta’ bird watchers, politiċi u ġurnalisti Maltin.

Mark Sultana ikkonkluda billi qal li referendum abrogattiv mhux gwerra, imma għodda demokratika li għandna d-dritt nuzaw bħala elettorat Malti, u li fil-ġimgħat li fadal qabel ir-referendum hemm bzonn li nibdew nitkellmu dwar il-fatti.

“Huwa għalhekk li Joe Perici Calascione irid jagħmel Gwerra għax ma għandux argumenti. Min ma għandux argumenti u jibża jaffronta l-fatti gwerrer jagħmel mhux dibattiti” sostna l-kelliem ta’ SHout.