Ambjent Lokali

Il-MEPA b’permess li jikser il-policy dwar żvilupp f’settlement rurali

Il-Każ ta’ ħabi u għaġla dwar it-twaqqigħ ta’ razzett antik mixtri mis-Segretarju Parlamentari Ian Borg

Minn aktar investigazzjonijiet li saru fil-gazzetta ‘il-mument’ dwar ix-xiri u l-iżvilupp ta’ razzett antik f’Santa Katerina f’Wied Liemu fir-Rabat minn Ian Borg, is-Segretarju Parlamentari Laburista responsabbli mill-Fondi Ewropej u mill-Presidenza Ewropea 2017, jirriżulta li l-Awtorità Maltija għall-Iżvilupp u l-Ambjent (MEPA) ħarġet permess li jikser policy mill-aktar importanti tal-ippjanar fil-Pjan Lokali.

Permess skandaluż
Dan il-ħruġ ta’ permess skandaluż mhux biss jikser il-policy tal-iżvilupp tas-settlement rurali ta’ Santa Katerina, li hi meqjusa bħala ġojjell patrimonjali rurali għall-gżejjer Maltin, iżda dan il-permess jaħseb biex isir żvilupp li hu d-doppju ta’ dak li tippermetti l-policy fil-Pjan Lokali tal-Majjistral ta’ Malta.

Santa Katerina tar-Rabat hi settlement rurali żgħir, u allura hi protetta minn żvilupp eċċessiv ta’ massa u densità permezz ta’ policies ta’ żvilupp speċjali li huma kontenuti fil-Pjan Lokali tal-Majjistral ta’ Malta.
B’mod speċifiku, Santa Katerina hi regolata bil-Policy NWRS 3 kif limitata bil-Policy NWRS 4 tal-Pjan Lokali tal-Majjistral ta’ Malta.

Skont dawn il-policies, residenza ġdida tista’ tibdel residenza jew binja eżistenti, iżda użu ġdid ta’ art ma jkunx permess. Fejn residenza tissostitwixxi residenza jew binja eżistenti, ir-residenza ġdida ma tistax teċċedi l-mitejn metru kwadru bħala floorspace. Ma jingħatax permess jekk il-binja eżistenti ma jkollhiex footprint ta’ mhux anqas minn ħamsin metru kwadru. Binja eżistenti ma tinkludix bini agrikolu li hu neċessarju fl-operat ta’ fond agrikolu.

Anomaliji serji fl-applikazzjoni
Esperti fl-ippjanar mistoqsija minn il-mument, osservaw li meta wieħed janalizza l-permess maħruġ mill-MEPA fuq il-proprjetà ta’ Ian Borg f’isem terza persuna, wieħed jinnota numru ta’ anomaliji serji fl-applikazzjoni tal-policies.

L-ewwel, il-proposta tal-permess ma tgħidx li l-bini eżistenti fil-Musmar, f’Santa Katerina hu residenza, iżda “strutturi bla valur rurali.” Għaldaqstant, żiedu josservaw l-esperti li tkellimna magħhom, tajjeb li wieħed jistaqsi kif il-MEPA ippermettiet li jinħareġ permess biex jittellgħu żewġ residenzi ġodda flok “strutturi bla valur rurali” qabel ma stabbiliet eżatt in-natura ta’ dawk l-istrutturi.

It-tieni, żiedu s-sorsi, ġaladarba l-binja eżistenti kienet razzett li hu parti mill-fond agrikolu li hemm miegħu, kif jidher mir-ritratti pubblikati f’din il-gazzetta fl-aħħar żewġt iħdud u kif juru dokumenti kontrattwali pubbliċi qodma li il-mument għandu aċċess għalihom, il-MEPA ma kellhiex tippermetti li dak il-bini jidħol fid-definizzjoni ta’ “binja eżistenti” biex minfloku jsir żvilupp residenzjali ġdid li jikkonsisti f’appartamenti.

La darba l-binja eżistenti kienet razzett, dan kellu jkun sostitwit b’razzett ġdid, mibni għal użu agrikolu mar-raba’ li hemm miegħu, u mhux jiġi spekolat għal appartamenti fuq xenarju pittoresk. Bid-deċiżjoni tagħha, il-MEPA marret kontra prinċipji stabbiliti għax qiegħda tnaqqas l-istock ta’ bini għall-użu agrikolu f’zona totalment agrikola u fejn l-ekonomija tal-post storikament tiddependi mill-agrikoltura.

It-tielet punt ferm importanti mqajjem mill-esperti li tkellimna magħhom matul il-jiem li għaddew hu li kieku wieħed kellu jaċċetta li jekk ir-razzett eżistenti fil-Musmar kien razzett residenzjali għal bdiewa, allura dan kellu jkun sostitwit biss b’binja residenzjali għall-bdiewa li ma tkunx teċċedi l-mitejn metru kwadru fi floorspace.

Ir-raba’ punt imqajjem hu li r-razzett antik fil-Musmar kellu footprint ta’ 95 metru kwadru – kif konfermat iswed fuq l-abjad fil-Case Officer Report – u allura waqt li kellu l-ħamsin metru kwadru meħtieġa biex jista’ jiġi ri-żviluppat, żgur li lanqas bl-iktar mod kreattiv ma seta’ jikkwalifika għal żewġ residenzi.

Għaliex ma kinitx applikata l-Policy tal-MEPA?
il-mument jistaqsi għaliex il-MEPA – kemm-il Case Officer u kif ukoll il-Bord – ma ndunatx x’tgħid il-policy tagħha stess fil-Pjan Lokali, u ma applikatx din il-policy kif applikata fuq proposti ta’ żvilupp li saru fis-snin ta’ qabel f’dak l-istess post.

Il-ħames punt hu li skont il-policy NWRS 3, binja eżistenti li tkun meqjusa li għandha tinżamm għall-valur storiku jew arkitetturali tagħha fil-karattru tas-settlement rurali m’għandhiex titħalla tkun ri-żviluppata kompletament f’residenza ġdida.

Meta jinqara r-rapport tal-Case Officer dwar din l-applikazzjoni, dan hu eżerċizzju ta’ sempliċità, fejn kollox jiġi deskritt li hu sew u skont il-policy. Dan meta l-istess Case Officer Report jirreferi wkoll għaż-żewġ applikazzjonijiet l-oħra fejn il-MEPA kienet rat l-affarijiet kumplessi ħafna.

Il-MEPA kienet allertata mil-Kumitat tal-Wirt Naturali u Nazzjonali li rrakkomandat ir-rifjut ta’ dan l-iżvilupp fil-minuti pubbliċi tat-12 ta’ Settembru 2014.

Għaldaqstant, waqt li jidher ċar li l-permess jikser il-policies tal-MEPA u allura jmur kontra l-Liġi tal-Ippjanar tal-Iżvilupp, jikbru l-mistoqsijiet: għaliex il-MEPA ma ċaħditx dan il-permess, jew għaliex ma talbitx it-tnaqqis tal-massa u d-densità tal-iżvilupp? Kif hu possibbli li Avukat tal-Liġi Ambjentali bħal Ian Borg ma jafx x’tgħid il-policy tal-MEPA dwar settlement rurali bħal dak pittoresk ta’ Santa Katerina fir-Rabat?

Bdiewa ta’ Santa Katerina li tkellmu ma’ il-mument dwar dan il-każ huma rrabjati ħafna u mħassba sew dwar dan l-abbuż sfaċċata.