Sport Waterpolo

Neptunes iwieġbu lil Sliema u San Ġiljan

Minn Stewart Said

Neptunes Grimaldi ………10
Sirens Ritter Sport ………..5
(1-2),(5-2),(2-1),(2-1)

F’partita li tħabtu aktar milli mistenni, Neptunes Grimaldi wieġbu għar-rebħiet ta’ San Ġiljan u Sliema meta għelbu lil Sirens Ritter Sport 10-5. Il-wirja ta’ Neptunes ma kinitx brillanti, u dehru f’diffikultà f’mumenti tal-partita, iżda għamlu biżżejjed biex jirbħu l-partita. Sirens offrew sfida denja iżda meta kien mistenni li jkomplu bil-pressjoni, fallew milli jiskorjaw f’diversi drabi u ġarrbu t-tieni telfa.

Kienu Sirens li rebħu l-ewwel sessjoni meta gowls minn Pace u Cutajar irrispondew għall-gowl inizjali ta’ Stellini. Neptunes ħarġu aħjar fit-tieni sessjoni u dawru l-iskor minn Stellini u Camilleri, iżda Sirens reġgħu marru fil-vantaġġ b’gowls mill-eks Pace u Mizzi. F’mument kritiku Neptunes tilfu lil Michele Stellini li tkeċċa, iżda Niki Lanzon wera l-klassi tiegħu bi tliet gowls u dawwar ir-riżultat.

Minkejja li tilfu lil Stellini, Neptunes baqgħu fil-vantaġġ b’Sirens jitilfu diversi okkażjonijiet ta’ skor u lil Edward Aquilina wara xi rimarki li għadda biex Neptunes issiġillaw ir-rebħa fl-aħħar sessjoni b’żewġ gowls ta’ Jordan Camilleri.

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (4), M. Lanzon, M. Stellini (2), T. Agius, S. Xerri de Caro, G. Mizzi, J. Camilleri (3), B. Muscat, M. Zammit, B. Lanzon, M. Azzopardi, C. Mercieca (1)

Sirens: N. Grixti, Z. Mizzi (1), K. Debattista, G. Pace (2), M. Grech, A. Sammut, M. Caruana, D. Caruana (1), J. Napier (1), E. Aquilina, H. Schulz, G. Busuttil, J. Zerafa Gregory
Referees: Peter Balzan, Alex DeRaffaele