Lokali

Filmat: Simon Busuttil jgħid li minflok riħa ta’ kafe’, mill-Cafe’ Premier ħierġa riħa ta’ korruzzjoni

L-iskandlu tal-Cafe’ Premier huwa skandlu prim għaliex huwa skandlu kbir u għaliex fih hemm involut il-Prim Ministru Joseph Muscat. Hu ċar li wara r-rapport tal-Awditur Ġenerali, mill-Cafe’ Premier mhux riħa ta’ kafe’ ħierġa imma riħa tinten ta’ korruzzjoni.

F’intervista mxandra dalgħodu, l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil sejjaħ biex wara dak li ġie żvleat fil-każ tal-Cafe’ Premier, u l-involviment dirett ta’ Joseph Muscat, il-Prim Ministru jerfa’ r-responsabbiltà politika li tant tkellem dwarha qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.

Simon Busuttil spjega kif b’€4.2 miljun, il-Prim Ministru seta’ jagħmel ħafna aktar affarijiet, fosthom jibni skola ġdida, jindirizza l-kjuwijiet fl-Isptar Mater Dei, iraħħas b’mod sostanzjali l-petrol u d-diesel, kif ukoll ma jżidx it-taxxi li żied fl-aħħar budget.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar l-aħħar żviluppi b’rabta ma’ dan l-iskandlu, jiġifieri li kien hemm negozjant privat li ried jixtri l-Cafe’ Premier għall-istess prezz. Hu sostna li l-Gvern, kieku ried, seta’ jieħu lura l-post mingħajr ma joħroġ flus permezz ta’ kawża l-Qorti. “Hawn taħwida, u xi ħaġa tinten, li tkompli turi li xi ħadd daħħal flus fil-but. Għalija, hawnhekk hawn riħa tinten ta’ korruzzjoni,” sostna Simon Busuttil.

Huwa ċar li ħadd ma jista’ jemmen lill-Prim Ministru meta jgħid li ltaqa’ mad-direttur ta’ Cities Entertainment qabel l-elezzjoni u ma ddiskutiex l-akkwist ta’ Cafe’ Premier, meta l-ewwel ħaġa li għamel malli laħaq Prim Ministru, Joseph Muscat kienet li jinnegozja l-akkwist ta’ Cafe’ Premier. “Possibli din kienet l-aktar ħaġa importanti li kellu x’jagħmel? Aħjar malli sar Prim Ministru, Muscat beda jwettaq il-wegħda ta’ Malta Tagħna Lkoll, u jimplimenta r-roadmap li qal li kellu,” sostna Simon Busuttil.

Fis-somma ta’ €4.2 miljun, hemm ukoll kważi kwart ta’ miljun f’commissions. “Dawn huma affarijiet illu kieku mhux qegħdin fir-rapport tal-Awditur Ġenerali, kieku qas jitwemmnu,. Hu għalhekk li wieħed ma jistax jemmnu lill-Prim Ministru” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Muscat ma jistax jibqa’ jinħeba u jgħid li ma kienx involut f’dan l-iskandlu. “Hemm provi ċar li ħerġin mir-rapport tal-Awditur Ġenerali li l-Prim Ministru kien direttament u personalment involut fin-negozjati. Fil-fatt hemm emails – fosthom email partikolari – li turi li Muscat jagħti l-barka tiegħu għal dan il-ħlas li qatt ma kellu jsir.”