Lokali

Dehra ġdida għal Pjazza Kastilja

Pjazza Kastilja se tingħata dehra ġdida, b’disinn li permezz tiegħu ż-żona se tkun aktar pedonali iżda mingħajr ma jinqata’ l-aċċess għat-traffiku li jkun se jgħaddi lejn Triq San Pawl u l-parkeġġ ta’ ħdejn il-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Madankollu, għaċ-Chairman tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Stefan Zrinzo Azzopardi, m’hemmx relazzjoni bejn dan il-proġett li se jżid l-ispazju miftuħ u ċ-ċaqlieq tal-Monti, fejn b’wegħda elettorali il-bankarelli tal-Monti se jagħmlu eżatt bil-kontra u joħonqu l-ispazju bejn il-Parlament u t-Teatru Rjal.

Stefan Zrinzo Azzopardi, li bħala President tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni ffirma ftehim mas-sidien tal-Monti rappreżentati minn missieru stess Joe Zrinzo, irrefera għal dan iċ-ċaqlieq bħala miżura tal-Baġit.

Dettalji dwar dan il-proġett ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar u Stefan Zrinzo Azzopardi. L-aktar bidla radikali se tkun it-tneħħija tar-roundabout quddiem il-Berġa ta’ Kastilja, li kienet inbniet fl-1976 u li se tkun sostitwita b’pavimentar. Is-siġar tal-madwar se jitpoġġew fil-ġnub tal-Pjazza jew qrib Bieb il-Bombi taħt is-superviżjoni ta’ Konsulent mill-NGO Flimkien għal Ambjent Aħjar.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet ingħad li l-ħsieb hu li l-monumenti tal-Prim Ministri ikunu miġbura flimkien qrib il-Berġa ta’ Kastilja. Minħabba n-natura kumplessa u l-ħtiġijiet relatati mat-traffiku, dan il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni wkoll ma’ Transport Malta.

Il-proġett għandu terminu ta’ żmien qasir ħafna, tant li għandu jitlesta sa Ottubru li ġej qabel ma jitlaqqa’ ċ-CHOGM f’Novembru. Ingħad li l-proġett qed isir b’konsultazzjoni mal-istakeholders kollha, b’mod partikolari s-sidien tal-istabbilimenti fl-inħawi u s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali minħabba l-importanza storika u arkeoloġika tas-sit.