Sport

Ecclestone joffri flus bil-quddiem lit-timijiet iż-żgħar

Il-kap tal-Formula 1 Bernie Ecclestone offra li jħallas bil-quddiem lil Sauber, Force India u Lotus biex jgħinhom fil-problemi finanzjarji qabel jibda l-istaġun il-ġdid fl-Awstralja.

“Bernie jifhem, li kellna dawn l-isfidi quddiemna matul ix-xitwa għaliex dawk li jissuplixxu t-timijiet weġġgħu ħafna bil-każijiet tal-Marussia u Caterham,” qal id-deputat prinċipal ta’ Force India Bob Fernley

“Waqt li aħna dejjem ħdimna magħhom u rranġajna l-affarijiet matul il-perjodu qabel tibda x-xitwa, huma ma jistgħux. Meta qabel konna nieħdu kreditu ta’ 30 jum, issa għandna bżonn 30 jum bil-quddiem. Ecclestone issuġġerixxa li nieħdu l-flus bil-quddiem u nsolvu l-problemi b’dan il-mod u dan se jgħinna ħafna.”

Il-Marussia u l-Caterham tpoġġew f’amministrazzjoni f’Ottubru fejn bosta kredituri mhux sikuri kienu tilfu ammont sostanzjali ta’ flus li kellhom jieħdu u issa qed jitolbu flus bil-quddiem mingħand timijiet oħra bħal Force India.
It-tim li hu bażat Silvertsone u juża makni Mercedes, jikkuntratta ħafna mix-xogħol tiegħu fuq ix-chassis biex iżomm l-ispejjeż baxxi.

Il-ftehim ma’ Ecclestone wasal wara laqgħa ma’ dawk imsejħa timijiet żgħar, li għamlu parti kbira mill-istaġun li għadda jitlolbu sehem akbar mid-dħul. Qed jingħad li kull tim ġie mwiegħed $10 miljuni bil-quddiem sa tmiem din il-ġimgħa meta l-karozzi u l-apparat mistenni jintbagħat lejn l-Awstralja fejn se jsir l-ewwel Grand Prix fil-15 ta’ Marzu.