Lokali

FILMAT: Tlieta daħlu f’darha biex jisirquha

Maria Consiglia Abdilla, anzjana ta’ 93 sena mill-Qrendi, spiċċat fil-mira ta’ tliet ħallelin li daħlu fir-residenza tagħha bl-għan li jieħdu xi ħaġa tal-flus.

Il-każ seħħ għall-ħabta tat-tlieta u nofs tal-Ħadd wara nofsinhar meta l-anzjana kienet qed tistrieh fuq is-sodda tagħha, rat id-dawl jixgħel u resqu lejha tnejn mill-irġiel b’wiċċhom mgħammad u bl-ingwanti f’idejhom.

It-tielet raġel sadattant beda jfittex fil-kxaxen f’kamra oħra tad-dar. Imma ftit minuti biss wara li daħlu, it-tliet persuni telqu ‘il barra mingħajr ma serqu xejn, anke’ għaliex l-anzjana ma żżommx flus jew affarijiet ta’ valur għoli d-dar.

Minkejja li fuq il-mejda hekk kif tidħol fir-residenza, l-anzjana kellha portmoni b’xi ħaġa żgħira tal-flus, il-ħallelin bil-fixla ħallewh fejn kien. Dan għaliex irrealizzaw li kellha t-telecare imdendla ma’ għonqha u ħasbu li kienet talbet għall-għajnuna.

Fortunatament l-anzjana ma sofrietx ġrieħi gravi, ħlief xi grif f’wiċċha, imma t-trawma tibqa’, tant li qalet li kull ħoss li tisma’ tibża’ li daħal xi ħadd.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjoni tagħha, mgħejuna minn filmati ta’ kameras tas-sigurta’ ta’ ħanut fil-qrib u li fihom jidhru t-tliet persuni. Minkejja li l-irġiel ma jintagħrfux, il-Pulizija stabbiliet it-tul tagħhom.

Maria xtaqet ukoll li permezz tal-avventura kerha li għaddiet minnha, tfaħħar il-ħidma tal-Pulizija.

Dan il-każ affettwa lill-komunita’ tal-Qrendi, b’numru ta’ residenti jsemmulna dan l-attentat ta’ serqa.

Resident ieħor spjegalna li fl-isqaq fejn joqgħod saħansitra qed jikkonsidraw li r-residenti joħorġu xi ħaġa tal-flus biex jistallaw kameras tas-sigurta’ fl-isqaq fejn joqgħodu.