Internazzjonali

Ikkundannat talli ma attendiex il-funeral ta’ ‘Spock’

L-attur Amerikan, William Shatner, li  ħadem mal-mibki Leonard Nimoy fis-sensiela tal-fantaxjenza popolari ‘Star Trek’, kien suġġett għall-insulti u messaġġi abbużivi mingħand persuni li kkundannawh talli ma attendiex il-funeral privat ta’ Nimoy, li miet nhar il-Ġimgħa minn kundizzjoni pulmonarja.

Nimoy – ‘Mr Spock’ fis-sensiela u li kellu 83 sena – indifen waqt servizz għall-familja fil-Hillside Memorial Cemetery and Mortuary ta’ Los Angeles u l-kontroversja  irrankat wara li Shatner żvela li ‘ma setax jattendi għall-funeral minħabba impenji oħra preċedenti’.

L-insulti u l-kundanna ma naqsux minkejja li Shatner iddefenda l-pożizzjoni tiegħu u insista li uliedu, Melanie u Lisabeth, ‘kellhom ikunu preżenti’ għall-funeral ta’ Nimoy, li interpreta l-parti ta’ ‘Spock’ għal 47 sena.

William Shatner – li, fis-sensiela ‘Star Trek’ jaħdem il-parti tal-Kaptan James T. Kirk, tas-starship ‘USS Enterprise’ – kien jgħid li jqis lil Leonard Nimoy ‘aktar bħala ħuh milli sempliċi ħabib’.

Intant, il-familja ta’ Leonard Nimoy użaw Facebook biex ifakkruh bħala ‘missier u raġel tal-familja eżemplari’.

U għalkemm id-dilettanti ta’ ‘Star Trek’ ma setgħux jattendu għall-funeral, huma xorta sabu l-mezzi biex isellmu lil Nimoy b’mod xieraq.

Spikkat fost oħrajn il-minuta  silenzju waqt il-‘Long Beach Comic Expo’ – konvenzjoni għad-dilettanti tal-komiks, organizzata f’Los Angeles – fejn ħafna nies li attendew iddeċidew li jilbsu bħall-karattru ta’ ‘Spock’.