Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq twissi

Il-Korea ta’ Fuq Komunista kmieni t-Tnejn sparat żewġ missili ballistiċi għal fuq distanzi qosra filwaqt li wissiet li tista’ tattakka ‘bla ħniena’ lill-għedewwa tagħha.
L-isparar seħħ fuq il-baħar u waqt li l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel kienu qed jibdew l-eżerċizzji militari konġunti annwali li r-reġim Komunista ta’ Pyongyang qed ifisser bħala ‘tħejjija għall-invażjoni tal-Korea ta’ Fuq’.
Hu minnu li l-Korea ta’ Fuq twettaq il-provi regolari tal-missili, ir-rokits u l-artillerija. Fil-fatt, dawn il-provi, ħafna drabi, huma intiżi bħala ‘espressjoni ta’ għadab’ għall-azzjonijiet ta’ Washington u Seoul. Intant, l-eżerċizżji militari attwali tal-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel għandhom ikomplu għaddejjin sal-aħħar ta’ April.
Ir-rapporti qalu li ż-żewġ missili involuti fl-aħħar provi ta’ Pyongyang kienu sparati mill-kosta tal-Korea ta’ Fuq lejn il-Punent u wasslu għal 500 kilometru qabel niżlu direttament fl-ibħra lejn iz-zoni tal-Lvant.