Il-Qorti tal-Maġistrati, f’sentenza li hija tat, qalet li l-gazzetta “Il-Mument” kellha raġun li ddeskriviet lil ċertu Paul Degabriele, magħruf bħala “Is-Suldat”, bħala kriminal perikoluż.
Degabriele, mill-Fgura, kellu 48 sena meta kien inqatel f’Mejju ta’ sentejn ilu fil-Marsa.
Il-Qorti “remiet” ’il barra kawża ta’ libell għax qieset l-akkużi bħala li kienu bla bażi. Il-kawża ta’ libell għad-danni kienet saret mill-mara u wlied il-vittma.
Il-Maġistrat Francesco Depasquale qal li d-deskrizzjoni mogħtija fir-rapport kienet waħda ġustifikata fil-kuntest tal-kondotta ta’ Degabriele, “rekord kriminali li ma tispiċċa qatt”, b’reati u sentenzi li bdew sa minn meta huwa kellu 15-il sena.
Anna Maria, Nadeah and Ryan Degabriele kienu lmentaw li fl-ewwel paġna fl-artiklu ta’ “Il-Mument” tas- 16 ta’ Ġunju, 2013, ġimgħatejn qabel huwa ma kienu nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar, kien implikat fuq numru ta’omiċidji li kienu saru fix-xhur ta’ qabel. Il-libell kien sar kontra l-Editur Roderick Agius.
Degabriele, kien inqatel għall-ħabta tal-11am barra is-Sammy’s Bar fi Triq Belt il-Ħażna fil-Marsa, fil-31 ta’ Mejju, minn xi ħadd mhux magħruf li kien ħarab permezz ta’ karozza Nissan Vannette misruqa u li kienet misjuqa minn kompliċi.
Degabriele kien għadu kemm ħiereġ minn bar u kien bilqiegħda fil-karozza tiegħu Toyota pickup meta kienu sparati lejh tliet tiri, wieħed f’rasu u l-oħrajn ’il fuq minn sidru. Skont il-Pulizija kienet ġiet użata pistola semi-awtomatika kalibru 9mm.
F’Ottubru tal-2012, Degabriele kien għamel rapport mal-Pulizija li kienu poġġew bomba taħt it-Toyota tiegħu, u fil-fatt irriżulta li kien il-każ. Il-bomba kienet tneħħiet mill-uffiċjali tal-Bomb Disposal Unit.
Xahrejn wara, Degabriele kien mistoqsi dwar il-qtil ta’ Joseph Cutajar, magħruf bħala “Il-Lion”, li kien instab mejjet fil-karozza tiegħu fil-Mosta, ftit sigħat biss wara li Josef Grech, ta’ 41 sena minn Ħal Balzan, magħruf bħala “Il-Yo Yo”, kien inqatel b’tiri ta’arma tan-nar f’rasu f’Baħar iċ-Ċagħaq. Degabriele kien inħeles mill-Pulizija mingħajr ma kien tressaq.
Il-Maġistrat qal li minkejja li l-mara u wlied Degabriele qalu fil-Qorti li hu qatt ma kellu problemi mal-ġustizzja u li qatt ma kellu każijiet il-Qorti, ħlief darba meta kien immultat €400, ir-rekord kriminali tiegħu ppreżentat mill-Pulizija waqt is-smigħ tal-libell, żvela mod ieħor.
Ir-rekord tiegħu hu magħmul minn lista ta’ sentenzi ta’ ħtija li ma jispiċċaw qatt u li jvarjaw minn ksur ta’ paċi pubblika bil-parteċipazzjoni ta’ diversi ġlidiet sa serq minn karozzi u ġojjellerija. Huwa kien instab ħati fuq diversi reati kommessi fl-1983, 1984, 1986, 1988, 1994, 1995, 2002 u fl-2006.
Fl-2001 kien instab ħati li kien wettaq diversi serqiet. Fl-1984, meta kellu biss 17-il sena, kien seraq b’€87,000 f’deheb u fidda minn ħwienet fil-Belt, f’Tas-Sliema u f’Birkirkara u €7,000 fi flus kontanti minn ħanut self-service f’Tas-Sliema. Kien instab ħati wkoll ta’ serq ta’ tliet karozzi u numru kbir ta’ stereos tal-karozzi minn karozzi pparkjati f’Tas-Sliema, f’San Ġwann u fl-Imsida.
Il-Qorti qalet ukoll li meta Degabriele kien inqatel, kien se jitressaq il-Qorti fuq serq ta’ vann tal-friża, f’Jannar tal-2005, li kien fih kwantità kbira ta’ laħam fih.
Il-Qorti qalet li bir-rekord kriminali ta’ Degabriele, issibha inkredibbli kif familtu ppruvat toġġezzjona għall-fatt li kien ġie deskritt bħala kriminal periokoluż.
Il-Qorti kkummentat ukoll fuq l-istorja pubblikata fil-gazzetta u ddeskrivietha bħala waħda “metikoluża” u b’riċerka ta’ ċertu portata fuq każijiet mhux solvuti ta’ omiċidji, li ma ġewx solvuti mhux tort tal-Pulizija imma minħabba l-omertà li tirrenja fiċ-ċirku organizzat tal-kriminalità li Degabriele kien magħruf sew għaliha.
//= $special ?>