Lokali

Il-UĦM f’tilwima industrijali mal-MEPA wara transfer “mingħajr sens ta’ trasparenza”

Il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) irreġistrat tilwima industrijali mal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) wara transfer inġust li ngħatat ix-Shop Steward, membru tal-Union u rappreżentant tagħha, fi ħdan il-MEPA. Minħabba dan it-transfer, li daħal fis-seħħ mil-lum, il-ħaddiema ntalbet tirraporta għax-xogħol f’sezzjoni nieqsa minn diversi regolamenti tas-Saħħa u s-Sigurtà.

Fi stqarrija, il-UĦM qalet li minkejja li l-Union staqsiet għal diversi drabi lill-MEPA kif waslet biex talloka lil din il-persuna għal dan it-transfer, sal-lum ma kellha l-ebda tweġiba tanġibbli. Il-Union qed issostni li dan it-trasferiment jidher li sar mingħajr ma kien hemm l-ebda sens ta’ trasparenza jew konsultazzjoni mat-Taqsima konċernata.

Il-UĦM qalet li mhuwiex aċċettabbli li joħorġu transfers ħesrem u bl-iskuża ta’ riforma, mingħajr ma jiġi segwit xi mudell stabbilit. Fl-istess waqt, il-Union ma tistax taċċetta sitwazzjoni fejn tinsab f’negozjati maċ-change agent imqabbad mill-Gvern biex titkellem fuq l-istruttura tas-sezzjoni tal-Ambjent fi ħdan il-MEPA, meta f’daqqa persuna tiġi trasferita għal post ieħor li l-MEPA ilha tmien xhur taf li se jiġi vakant.

Il-UĦM qalet li kien għalhekk li rreġistrat tilwima industrijali fil-MEPA kollha. Sostniet li kemm-il darba din is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi u l-affarijiet isiru mingħajr trasprenza u konsultazzjoni, jew sitwazzjonijiet li jkunu ta’ detriment għal saħħet il-ħaddiema, il-Union tieħu l-azzjonijiet li hemm bżonn fis-sezzjonijiet kollha tal-MEPA, inkuż fis-sezzjoni tal-Ippjanar.

Il-UĦM qalet li se tkun qed tlaqqa’ l-Kumitat tal-Grupp biex jiġu mfassla azzjonijiet industrijali f’każ li l-affarijiet jibqgħu sejrin hekk.