Il-Gvern irid iwieġeb dwar il-konsenja kbira ta’ naħal impurtata minn Sqallija u għan-nuqqas ta’ passi kontra sidien ta’ zoos b’annimali eżotiċi
Id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea talab lill-Gvern jispjega l-mod kif saret l-importazzjoni ta’ madwar 500 kaxxa ta’ naħal li waslu Malta minn Sqallija li hi milquta minn epidemija u mard fuq l-industrija tan-naħal; jagħmel inkjesta dwar kif inqatlu madwar 500 għasfur tal-għana li kienu fil-pussess tal-Pulizija wara li kenu konfiskati hekk kif kienu qed jiddaħħlu f’Malta illegalment; u jispjega għaliex il-Pulizija għadhom ma ħadux passi kontra sidien ta’ zoos f’pajjiżna li qed iżommu annimali eżotiċi u rari f’ambjent ta’ moħqrija.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet tal-Annimali llejla fil-Parlament qajjem tliet każi li dwarhom saħaq li l-Gvern għandu ħafna dwar xiex iwieġeb u jispjega.
Sejjaħ bħala inkwetanti l-aġir tal-Gvern li mhux qiegħed jitkellem dwar l-importazzjoni ta’ konsenja ta’ madwar 500 kaxxa mimlija naħal li kienu trasportati lejn Għawdex minn impurtatur minn Sqallija.
Għamel għadd ta’ mistoqsijiet lill-Gvern biex jagħti tweġiba, fost l-oħrajn dwar iċ-ċertifkat li għadda lill-Gvern lilu b’mod kunfidenzjali, u li mhux ittimbrat u ffirmat. Staqsa għalfejn il-Gvern qed jgħaddi dan iċ-ċertfikat b’mod kunfidenzjali.
Staqsa wkoll biex il-Gvern jispjega dwar il-mod kif sar dan it-trasport ta’ kwantità kbira ta’ naħal li ntqal li ġej minn Franza, iżda li hemm tħassib ukoll mill-produtturi lokali, li n-naħal mhux veru ġie minn Franza iżda minn Sqallija.
Issemma li t-trakkijiet li fihom kienu trasportati lejn pajjiżna kienu minn Sqallija u għajr għal trakk wieħed, it-trakkijiet ma kinux f’kundizzjoni tajba biex isir it-trasport ta’ naħal fi vjaġġ twil minn Franza lejn Malta. Staqsa għaliex ma kinux direttament trasportati minn Franza.
Mario Galea irrifera wkoll għal petizzjoni li qed tiġi ffirmata dwar in-nuqqas ta’ serħan il-moħħ li qed jagħti l-Gvern lill-produtturi lokali u wissa li din il-kwantità kbira ta’ esportazzjoni ta’ naħal tista’ tħalli effett negattiv anke fuq id-DNA tan-naħla f’pajjiżna li hi ta’ kwalità.
Id-Deputat Nazzjonalista wissa li hemm mistoqsijiet kbar dwar in-nuqqas ta’ testijiet u eżamijiet li saru fuq in-naħal impurtat minħabba l-mard serju li hemm fi Sqallija fuq l-industrija tan-naħal, bl-Unjoni Ewropea twaqqaf l-esportazzjoni tan-naħal minn Sqallija. Spjega li kieku kellhom isiru t-testijiet kollha li kellhom isiru fuq il-konsenja kbira ta’ naħal li kienet impurtata, kien meħtieġ xogħol ta’ spezzjoni li jieħu l-ġranet.
Dwar din il-konsenja ta’ naħal impurtat, li qed jingħad li l-importazzjoni tista’ tkompli tiela’ sa 9,000 naħla, l-Oppożizzjoni qed titkellem fl-interess tal-produtturi lokali u l-Gvern għandu dmir li jagħti spjegazzjoni lill-produtturi lokali.
Il-Keliem tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet tal-Annmali żvela wkoll każ ieħor li fisser bħala xokkanti, il-mod kif 500 għasfur tal-għana miet waqt li kienu fil-pussess tal-Pulizija tal-ALE.
Filwaqt li faħħar lill-Pulizija li kkonfiskaw u qabdu din il-kwantità kbira ta’ għasafar li kienet qed tiġi impurtata minn Sqallija, b’total ta’ madwar 600 għasfur, Mario Galea qal li l-mod kif kienu trasportati u tħallew miżmuma fl-istess kontenituri mhux addatti kif kienu esportati, u l-mod kif dawn tħallew ukoll meta kienu trasportati lejn il-kwarantina f’Ħal Luqa esposti għall-elementi tal-kesħa f’lejl li fih sar ukoll ċiklun, wassal għal 500 għasfur minn 600 li mietu waqt li kienu fil-pussess tal-Pulizija.
Mario Galea poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-Kummissarju tal-Animal Welfare dwar dan il-każ, u li fih jikkonkludi li l-għasafar kellhom jingħataw kenn aħjar. Il-Kummissarju jissuġġerixxi wkoll li l-għasafar maqbuda għandhom jinħelsu wara li jkunu b’saħħithom u wara li jingħataw il-kura kollha meħtieġa.
Mario Galea fisser kif bil-mod kif imxiet il-pulizija fil-qabda ta’ din il-kwantità kbira ta’ għasafar tal-għana, il-Pulizija stess kissret il-liġi tal-Animal Welfare. Appella lill-Gvern għal inkjesta indipendneti dwar dan biex ma jerġgħux jiġu ripetuti l-istess żbaji.
Mario Galea appella wkoll lill-Gvern jieħu azzjoni u jibqax ikaxkar saqajh biex iressaq il-Qorti sidien ta’ zoos li qed iżommu annimali eżotiċi li qed jinżammu f’ambjent ta’ moħqrija.
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Gades, meta tkellem fil-Parlament dwar dawn il-każi, qal li hi kumpanija Sqallija li qed tinvesti fl-industrija tan-naħal f’Għawdex għal skop agrikolu, u fisser li f’dan il-każ kien hemm trasparenza sħiħa inkluż, iċ-ċertifikati mill-awtoritajiet li huma kuntenti bil-kontrolli li saru.
Semma li saru kontrolli stretti u l-Gvern kien favur l-investiment barrani f’din l-industrija u sostna li mhux minnu l-periklu fuq id-DNA tal-industrija lokali u qal li m’hemm ebda bażi xjentifika għal dan il-biża’.
Dwar ir-rapport tal-Kummissarju tal-Animal Welfare, qal li kien hu li talab investigazzjoni dwar il-każ tal-konfiska ta’ 600 għasfur tal-għana. Spjega li t-traġitt li sar biex wasslu l-għasafar minn Sqallija kien diġà kkawża ħafna ħsara u ftit kien hemm xi jsir biex jiġu salvati dawn l-għasafar. Ammetta li għandu jkun hemm faċiltajiet aħjar f’każi bħal dawn. Fisser ukoll li d-dipartiment kellu jistenna l-ordni tal-Qorti biex jinħelsu l-għasafar li salvaw. Awgura wkoll li nitgħallmu mill-każi bħal dawn.
Dwar il-parks li fihom qed jinżammu annimali eżotiċi, is-Segretaru Parlamentari qal li din hi kwistjoni li ilha tiġi indirizzata s-snin, u ħabbar li se jniedi regolamenti għaż-żamma ta’ annimali eżotiċi li jitfgħu responsabbiltajiet għal min jesporta u jżomm annimali eżotiċi.
//= $special ?>