Fil-Lussemburgu, ir-residenti jaqilgħu tliet darbiet dak li jaqla’ Malti. Hu lejn dan il-pajjiż irridu nħarsu biex nimxu f’dik id-direzzjoni. Irridu naraw għaliex ninsabu lura f’xi setturi tal-ekonomija, kif ukoll kif se nakkwistaw aktar dħul u għajxien aħjar għall-Maltin.
Dan qalu Tony Zahra, li ftit tal-jiem ġie appuntat għat-tieni bħala President tal-MHRA waqt laqgħa li kellu fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista max-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Antoine Borg. Zahra kompla jgħid li pajjiżna għandu jkollu viżjoni għas-sena 2040 u mhux għall-2030 għax din is-sena hi wisq qrib biex pajjiżna jkollu pjan immaniġġjat sew.
Il-laqgħa saret bl-għan li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tiddiskuti mal-MHRA fid-dawl tal-Abbozz ta’ Politika mressaq mill-Gvern f’Jannar li għadda. Dwar dan, l-MHRA diġà ressqet il-proposti tagħha, l-istess kif mistennija tagħmel l-Oppożizzjoni.
Claudio Grech qal li din il-laqgħa saret bl-għan li l-Oppożizzjoni twassal messaġġ ċar li fis-snin li ġejjin trid taħdem fuq il-ħolqien tal-ideat u alternattivi politiċi ħalli s-settur tat-turiżmu jkompli jissaħħaħ. Kompla li l-grupp ta’ Deputati li bħala Shadow Minister qed imexxi fi ħdan il-Grupp Parlamentari, iwassal messaġġ ċar tal-importanza li l-Oppożizzjoni qed tagħti lit-turiżmu bħala pilastru ewlieni fl-ekonomija Maltija.
Ix-Shadow Minister kompla li hu propju għalhekk li l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu hu parti wkoll mill-grupp ta’ ħidma fi ħdan l-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija. Dan hekk kif il-Partit Nazzjonalista jemmen li t-Turiżmu hu pont ewlieni għall-ekonomija Maltija.
Min-naħa tiegħu, Antoine Borg kompla fuq dan il-punt u kompla li l-Oppożizzjoni trid li pajjiżna joffri l-aħjar esperjenza għat-turist. Qal li id f’id irridu nagħmlu eżerċizzju biex inkunu nafu kemm pajjiżna jiflaħ turisti u nimxu mis-setturi tradizzjonali billi noħolqu attivitajiet u raġunijiet li jappellaw għal niċeċ ġodda tat-turiżmu. Dan iwassal biex Malta tagħmel qabża ta’ kwalità fis-settur.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni enfasizza li pajjiżna jrid jagħti wkoll sens ta’ karriera fit-Turiżmu bl-għan li l-ħaddiema Maltin ma jħarsux lejn is-settur tat-Turiżmu biss bħala xogħol tranżitorju sakemm isibu xogħol aħjar.
Sadanittant, il-laqgħa bdiet fuq nota ħelwa, hekk kif Tony Zahra staqsa lid-Deputati tal-Oppożizzjoni x’inhi l-politika tal-Partit Nazzjonalista dwar l-użu tal-mobiles f’laqgħat bħal dawn. Dan wara li fil-jiem li għaddew, il-Ministru Carmelo Abela ma ħalliex lill-President tal-Union Ħaddiema Magħqudin Josef Vella biex idaħħal il-mobile tiegħu għal-laqgħa li kellhom bejniethom. Kawża ta’ dan, il-laqgħa kellha titħassar, bl-aġir tal-Ministru Abela kien ikkundannat ukoll minn diversi Imsieħba Soċjali.
Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister Claudio Grech wieġeb li fid-Dar Ċentrali l-mobiles huma permessi u jista’ jagħmel użu minnhom kif irid.
//= $special ?>