Lokali

Jiddefendi lill-Prim Ministru

Il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar ħareġ għonqu jiddefendi lill-Prim Ministru Joseph Muscat u fetaħ attakk fuq l-Awditur Ġenerali – dan b’rabta mal-iskandlu Prim tal-Cafe’ Premier li fih kien involut b’mod dirett Joseph Muscat.

Mistoqsi mill-ġurnalisti jekk inħoloqx preċedent – għax f’dan il-każ, il-Prim Ministru nnegozja s-somma ta’ €4.2 miljun li tħallset mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi lil negozju fallut, Mario Cutajar qal li ma nħoloqx preċedent “għax l-affarijiet saru kif kellhom isiru.”

Mario Cutajar – li rċieva l-email mingħand Muscat biex imexxi mal-Ministeru tal-Finanzi biex titħallas is-somma ta’ €4.2 miljun – qal li l-Prim Ministru tah direzzjoni ċara – konferma li f’dan il-każ kien hemm l-indħil dirett mill-Prim Ministru.

Mario Cutajar ħadha kontra d-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela li nhar is-Sibt li għadda qal li kumpaniji – bħal dik li kienet tmexxi l-Cafe’ Premier – li ma jkunux ħallsu d-dejn li jkollhom – ikunu blacklisted minn kuntratti tal-Gvern. Iżda filwaqt li Toni Abela qal ħaġa, Mario Cutajar qal bil-kontra.

Minn naha l-ohra il-Kap tal-Oppozizjoni Simon Busuttil il-Hadd sostna li l-iskandlu tal-cafe premier fih xamma tinten ta’ korruzzjoni.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħasra li f’pajjiżna, l-Kap taċ-Ċivil minflok ma jiddefendi l-ħaddiema tal-Gvern – li jħallsu t-taxxa bħal kulħadd u li ħallsu l-€4.2 miljun – jiddefendi l-aġir skandaluż tal-Prim Ministru.

Il-PN qal li Fit-tweġibiet tiegħu, Mario Cutajar qaleb il-verità rasha ‘l isfel u saħansitra qal li “l-affarijiet saru kif kellhom isiru.” Huwa aġir irresponsabbli li ffaċċjat b’rapport tal-Awditur Ġenerali li jikkundanna l-affarijiet kif saru fl-iskandlu tal-Cafe’ Premier, il-Kap taċ-Ċivil joħroġ jgħid li “l-affarijiet saru kif kellhom isiru.”

Kulħadd jaf li l-affarijiet ma sarux kif kellhom isiru imma kien hemm indħil dirett ta’ Joseph Muscat fin-negozjati ftit ġimgħat biss wara l-elezzjoni ġenerali. Il-provi fir-rapport tal-Awditur Ġenerali jixhdu dan.

Il-PN qal li l-Prim Ministru ma jistax jibqa’ jinħeba wara l-avukat difensur tiegħu, Mario Cutajar. Ir-responsabbiltà politika hu jrid jerfagħha u ħadd iżjed.